Diane Izzo, il-Kap Eżekuttiv ta’ DIZZ Group ressqet protest ġudizzjarju kontra d-Deputat tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi.
Hija qed titlob li Azzopardi jneħħi l-post tiegħu fuq Facebook li fihom jallega rabtiet bejn il-kumpanija tagħha u l-ħasil ta’ flus.
Fil-protest ġudizzjarju, ippreżentat quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Diane Izzo tisħaq dwar ir-reputazzjoni li l-kumpanija tagħha, li tispeċjalizza fil-ħwejjew tal-moda, bniet fl-aħħar 20 sena.
Hija saħqet li Azzopardi, bil-kitbiet tiegħu fuq Facebook, allega li l-kumpanija kienet qed tintuża għall-każijiet ta’ ħasil ta’ flus.
Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li kieku t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi taħdem, kieku tinvestiga l-ħbieb “tal-koppja Muscat,” u d-Dizz Group.
Filwaqt li ċaħdet l-akkużi, insistiet li dawn qed jintqalu minħabba raġunijiet partiġġjani biss u l-għan tagħhom huwa li jħammeġ l-isem tal-kumpanija.
Il-protest jisħaq li Azzopardi ppreżenta interpretazzjoni mmanipulata tar-rapport finanzjarju għax ippreżenta ċertu figuri mingħajr ma ppreżenta stampa ċara tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Grupp.
Jinsisti li kull deċiżjoni kummerċjali li ttieħdet dejjem kienet legali, leġittima u ttieħdet skont l-obbligazzjonijiet finanzjarji u fl-aħjar interess tal-investituri.
Izzo qed tisħaq li għandha l-materjal kollu li jwaqqgħu l-allegazzjonijiet u insistiet li qed iżomm lil Azzopardi responsabbli għad-danni.
Il-protest jitlob ukoll li Azzopardi jagħmel apoloġija pubblika apparti li jneħħi l-post