Il-Fondazzjoni Aditus ħarġet stqarrija biex tikkundanna l-mod inuman li fi kliemha użat il-Pulizija ta’ Malta biex dalgħodu ressqet quddiem il-Qorti grupp ta’ immigranti.
Aditus saħqet li diversi ritratti u filmati juru lill-immigranti arrestati, fosthom minuri, għaddejjin tnejn tnejn, marbuta ma’ xulxin b’cable ties, minn Triq ir-Repubblika, filwaqt li l-Pulizija kienu liebsa ingwanti sanitarji.
“Dan it-trattament huma inuman,” saħqet il-Fondazzjoni waqt li ddeskrivitu wkoll bħala “razziżmu istituzzjonalizzat,” għax akkużati Maltin qatt ma jkunu trattati b’dan il-mod.
Insistiet kif filwaqt li normalment l-akkużati jiddaħħlu minn wara tal-Qorti, din ma kinitx l-ewwel darba li immigranti tressqu l-Qorti b’din il-manjiera.
Fakkret ukoll li dawn kollha tressqu akkużati minħabba protesta li saret fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi nhar it-Tnejn li għadda. Insistiet li hi ilha tisħaq li d-dtenzjoni ta’ mijiet ta’ rġiel, nisa u tfal huwa illegali.