Fearne jwiegħed li jwettaq il-ħolma tal-PL biex ħadd ma jkun fqir
Bil-kliem tal-innu tal-Partit Laburista u b'wiegħda ta' riforma kbira fil-PBS Chris Fearne itemm il-kampanja elettorali tiegħu
minn Yendrick Cioffi
Id-Deputat Prim Ministru u kandidat għall-Mexxej Laburista, Chris Fearne wiegħed li jekk jingħata l-fiduċja u jsir Prim Ministru ta’ Malta se jaħdem biex iwettaq il-ħolma li għaliha twieled il-Partit Laburista, jiġifieri li ħadd ma jgħix fil-faqar.
Fearne qal dan waqt attività f’Villa Arrigo fin-Naxxar u li mmarkat it-tmiem tal-kampanja elettorali tiegħu, qabel nhar is-Sibt li ġej, 17,500 membru tal-Partit Laburista, jivvotaw biex jagħżlu s-suċċessur ta’ Joseph Muscat bħala Mexxej Laburista u Prim Ministru.
Għall-attività ta’ Fearne kien hemm preżenza qawwija ta’ Deputati Laburisti, inkluż membri tal-Kabinett.
“Hawn biżżejjed ġid biex kulħadd jgħix tajjeb. Għandna biżżejjed ġid biex kulħadd ikun sinjur żgħir,” saħaq Fearne waqt li wiegħed li jekk ikun Prim Ministru se jaħdem biex ħadd ma jgħix fil-faqar, biex ma jkunx hawn kopji li ma jlaħħqux mal-kera, pensjonanti li ma jlaħħqux mal-ħajja u morda li ma jaffordjawx il-mediċina.
Insista li minn meta kien żgħir kellu ħolma, jiġifieri dik li ma jarax tfal fqar. Saħaq li kibbret miegħu u nduna li din hija l-istess ħolma li għaliha twaqqaf il-Partit Laburista u għalhekk introduċa l-pensjonijiet, is-servizzi soċjali, is-servizz tas-saħħa b’xejn u l-edukazzjoni għall-kulħadd.
'Għad hemm nies fil-PBS li jagħmlulna l-bsaten fir-roti'
Tkellem fuq diversi punti, inkluż l-istazzjon nazzjonali, li fl-aħħar jiem kien fil-mira taż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista.
Insista li meta l-Partit Laburista kien għadu fl-Oppożizzjoni, qabel l-elezzjoni tal-2013 kien imur jiddibatti fuq l-istazzjon nazzjonali bejn Simon Busuttil u Beppe Fenech Adami.
“Kien ikolli lil Norman Vella jagħtini min-naħa u Peppi Azzopardi min-naħa l-oħra. Għad hemm min qed jagħmlilna l-bsaten fir-roti,” qal Fearne għaċ-ċapċip ta’ dawk preżenti waqt li wiegħed riforma fil-PBS.
Kien ikolli lil Norman Vella jagħtini min-naħa u Peppi Azzopardi min-naħa l-oħra. Għad hemm min qed jagħmlilna l-bsaten fir-roti
Kompla jitkellem fuq l-istazzjonijiet u saħaq kif filwaqt li, fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista jrid li jingħalqu l-istazzjonijiet politiċi “għax ma għandux fondi,” hu jrid li jsaħħaħ l-istazzjon One biex fi kliemu, il-messaġġ tal-Partit Laburista jkompli jasal.
Fearne jisħaq li hu kburi li ħadem ma' kull Mexxej minn Mintoff sa Muscat
Kif għamel fl-aħħar ħames ġimgħat, Chris Fearne ftaħar bl-40 sena esperjenza tiegħu fil-Partit Laburista. Saħaq li hu kburi li ħadem ma’ Duminku Mintoff, ma’ Karmenu Mifsud Bonnici, ma’ Alfred Sant u “fuq kollox” ma’ Joseph Muscat.
Insista li minn kull Mexxej li kellu l-Partit Laburista tgħallem xi ħaġa u dan se jkun qed isarfu f’ħidma jekk ikun elett Mexxej Laburista u eventwalment Prim Ministru.
Waqt li saħaq li Mintoff kellu l-kulħadd kontrih mingħandu tgħallem kif jibqa’ sod. Minn Mifsud Bonnici tgħallem xi tfisser l-umiltà. Minn Sant tgħallem jieħu deċiżjonijiet biex ibiddel fej ikun ħażin u minn Joseph Muscat tgħallem imexxi pajjiż u jwasslu għas-suċċessi.
Fil-fatt, għal aktar minn darba, ftaħar bil-ħidma tiegħu fl-aħħar snin u insista għal aktar minn darba li kien “spalla ma’ spalla” ma’ Joseph Muscat.
Kompla jisħaq li tgħallem ukoll minn dawk il-Laburisti li ltaqa’ magħhom tul il-kampanja u wiegħdhom li jekk ikun Prim Ministru se jaħdem “għas-serjetà.”
'Il-Laburisti jridu partit wieħed. Grupp Parlamentari wieħed'
Appella għall-għaqda, għax fi kliemu, il-PL dejjem rebaħ meta kien hemm l-għaqda u tilef meta kien hemm il-firda kif ġara fl-1998 wara 22 xahar fil-Gvern.
“Il-Laburisti jridu partit wieħed. Grupp Parlamentari wieħed,” saħaq Fearne.
Irringrazzja wkoll lil dawk kollha li ħadmu, b’enfasi partikolari fuq il-Kummissjoni Elettorali li quddiemha Robert Abela ressaq ilment formali wara allegazzjonijiet ta’ tbagħbis fil-lista tal-votanti.
“Jiena nesprimi l-fiduċja sħiħa tiegħi. Lil dawn in-nies irridu nirringrazjawhom,” saħaq id-Deputat Prim Ministru.
Temm il-kampanja tiegħu jgħajjat il-kliem tal-Partit Laburista li ntefa’ fuq l-ixkaffa minn Joseph Muscat u li reġa’ ngħata l-ħajja miż-żewġ kandidati fl-aħħar jiem.