'Emmnu fija ħa nemmen fikom ħa mmexxu lil pajjiżna ‘il quddiem' - Robert Abela

Eluf ta' nies jinġabru għal tmiem pjuttost kbir għal kampanja ta' Robert Abela

Robert Abela f'Raħal Ġdid
Robert Abela f'Raħal Ġdid

Quddiem folla kbira ta’ nies li probabilment kienet tlaħħaq l-eluf u entużjażmu qawwi tal-partitarji fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, Robert Abela sejjaħ dak ta’ bħalissa bħala l-mument tal-għaqda; għaqda fil-partit u għaqda fil-pajjiż.

F’diskors qawwi, probabilment l-aktar qawwi tal-kampanja, Abela appella; “Nitlobkom il-lealtà u l-kuraġġ tagħkom, emmnu fija ħa nemmen fikom ħa mmexxu lil pajjiżna ‘il quddiem.”

“Taqtgħux qalbkom. Jiena ngħidilkom se mmorru għal żmien aqwa milli konna,” saħaq Abela.

“L-ewwel deċiżjoni tiegħi se tkun li ngħannaq u nieħu b’id dawk kollha li ma qablux miegħi matul din il-kampanja. Ngħannaq lil Chris,” qal Abela għall-għajjat ta’ approvazzjoni u ċapċip mill-eluf preżenti.

Reġa sostna li hu baqa’ leali lejn Joseph Muscat sal-aħħar u li qatt ma pparteċipa f’manuvri minn taħt biex Muscat jitlaq.

“L-għażla hija bejn il-kontinwità u allura r-riċetta li tatna tant suċċess jew riċetta ġdida, li jista’ jkun ittina riżultati aħjar kif ukoll agħar. Dan mhux iż-żmien ta’ esperimenti,” sostna Abela. Kompla jsostni li l-ġudizzju tal-membri li se jivvutaw għandu jkun dwar min hu kapaċi jwassal l-messaġġ l-aħjar u min kapaċi jrebbaħ lill-Partit Laburista.

'M'aħniex il-partit tal-għira'

“Irridu nżommu r-riċetta ta’ partit li huwa miftuħ għal kulħadd, li żgur li mhux se jingħalaq f’fortizza, partit li jrid ikompli jinfetaħ għal min hu ġenwin. Fil-mument li nibdew bil-messaġġi diviżivi nkunu qed nagħmlu żball. Dan hu l-mument tal-għaqda fil-partit, li se twassalna għall-għaqda nazzjonali.  Aħna rridu nitkellmu dwar politika li ma tagħrafx uċuħ, ta’ Malta waħda u Għawdex wieħed, aħna m’aħniex il-partit tal-għira imma l-partit li jieħu pjaċir bis-suċċess tan-nies,” qal Abela, f’dak li wieħed jista jqis bħala spjegazzjoni tal-viżjoni tiegħu għall-futur.

Dwar l-elezzjoni tas-Sibt sostna illi kif kien hemm “biex kull membru jkollu d-dritt tal-vot.  Issa se nerġa nkun hemm biex inkun ċert li kulħadd jagħżel b’mod liberu,” qal Abela li fakkar li l-partit dejjem ipprattika l-libertà ta’ ħsieb u opinjoni.

Hu jirrakkonta kif iltaqa’ ma’ nies li għadhom jiffaċċjaw spejjeż kbar u livell ta’ għixien mhedded.

“Jiena rrid li kulħadd ikollu livell ta’ għixien diċenti,” qal Abela li fakkar li huwa qed iwiegħed li l-anzjani għandu jkollhom il-mediċini kollha b’xejn. “Iva se tiswina ħafna, €40 miljun fis-sena. Imma issa nistgħu nagħmluha. Ħalli l-ġid jkompli jinxtered.”

'Malli għidt li se nagħmel riforma fil-PBS bdew l-attakki'

U ma setax jonqos li jsemmi l-PBS. ‘Irridu, iva, xandir nazzjonali iktar b’saħħtu. Xandir indipendenti, imparzjali u effettiv,” sostna Abela li reġa wiegħed riforma fix-xandir nazzjonali. “Kommess li nagħmel bidliet, bidliet kuraġġużi li kulħadd qagħad lura milli jagħmilhom. Ħadd mhu komdu biha riforma fil-PBS għax malli għidt li se nagħmilha bdew ġejjin l-attakki minn kullimkien,” qal il-kandidat għat-tmexxija tal-PL u tal-pajjiż.

Robert Abela jindirizza lil dawk preżenti llejla
Robert Abela jindirizza lil dawk preżenti llejla

.‘Irridu mexxej li m’għandux idejh marbutin u li taf li qed titkellem miegħu mhux ma’ xi ħadd moħbi’

Id-Deputat Laburista Clayton Bartolo qal li kienet deċiżjoni tiegħu li jkun Raħal Ġdid u mhux post ieħor illejla. Għadda messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk li ma ddeċidewx kif se jivvutaw nhar is-Sibt, jew dawk li ma jistgħux jgħidu lil min se jivvutaw għax skontu qed jibżgħu jew saħansitra dawk li qed jibżgħu għal xogħolhom. “U minn qed itina dan il-kuraġġ? Robert Abela,” saħaq Bartolo.

Huwa qal li ż-żewġ kandidati huma tajbin għalkemm sostna li Abela jispira aktar l-għaqda, “persuna li ma jippruvax jisparixxi lil Joseph Muscat, imma mbagħad jinduna li intom tħobbuh. Persuna li f’kull dibattitu politiku joħroġ rebbieħ,” qal id-Deputat.

“Għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir. Ejja nibqgħu naħdmu sal-aħħar minuta għax aħna rridu mexxej li ma jkollux idejh marbutin b’ħafna kompromessi, mexxej li taf li qed titkellem miegħu mhux ma’ persuni li joqgħodu jilagħbu noli, filli tarahom u filli le,” sostna Bartolo f’riferenza kważi ovvja għal Lou Bondi.

Mal-ILLUM Lou Bondi ċaħad akkużi u diċeriji li issa ilhom iduru fil-partit u li jgħidu illi hu parti mit-tim tal-kampanja ta’ Chris Fearne.

Bartolo qal li Robert sal-aħħar sekonda baqa’ leali u sostna li hekk hemm bżonn isir minn nhar il-Ħadd ukoll, li kulħadd jimxi wara l-Mexxej ġdid b’lealtà.

‘Ma kienx hemm darba li ma semmejtx lil Joseph Muscat’

Il-preżentatur Manuel Cuschieri ddeskriva lil Robert Abela bħala bniedem li japprezza u mhux ingrat. “Inti persuna li tapprezza u m’intix ingrat. Xi kultant f’dan iż-żmien ninsew lil min għamel tant ġid. Ma kienx hemm darba f’din il-kampanja li ma semmejtx lil dak li għamlilna tant ġid u li se jibqa’ f’qalbna, Joseph Muscat,” qal Cuschieri għall-approvazzjoni ta’ dawk preżenti.

Cuschieri sostna illi ħadd m’għandu jfixkel l-għaqda wara li jkun elett Mexxej Laburista ġdid.

Intant id-Deputat Silvio Parnis sostna li "l-partit tagħna li tant għamel bidliet u ġab ġid, kontinwità għandu bżonn. “Ejjew ħa nkomplu t-triq tal-onestà,” appella Parnis.

Intant Darren Lynch, Viċi Sindku ta’ Raħal Ġdid sostna: “Jiena se nagħżel l-onestà, l-integrità u l-imħabba biex Malta tkun aħjar milli hi,” saħaq .

 

More in Politika