Robert Abela ma jmurx għal attività organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ
Abela kellu jibgħat filmat irrekordjat iżda bagħtu wara li l-attività kienet spiċċat
More in Politika
Abela kellu jibgħat filmat irrekordjat iżda bagħtu wara li l-attività kienet spiċċat
Il-kandidat għall-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ma attendiex għall-attività organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ u li matulha kellu jwieġeb mistoqsijiet tal-membri, flimkien mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Abela informa lill-Kamra tal-Kummerċ tard ilbieraħ filgħaxija li ma kienx se jattendi u li minflok kien se jibgħat messaġġ irrekordjat li fih iwieġeb il-mistoqsijiet mibgħuta mill-Kamra tal-Kummerċ.
Madanakollu, Abela bagħat il-filmat fil-11:35am, wara li l-attività kienet spiċċat.
Waqt l-attività, il-President tal-Kamra David Xuereb stieden lill-Fearne biex jiltaqa’ mill-ġdid magħhom nhar l-Erbgħa jekk ikun elett Mexxej Laburista u Prim Ministru.
Dan bil-għan li jippreżentawlu 65 proposta dwar il-governanza tajba, fosthom biex ikun hemm Ministru responsabbli minn dan.
Fearne aċċetta l-istedina.
Huwa u jwieġeb il-mistoqsijiet, Fearne saħaq li t-tkabbir ekonomiku naqas ftit fl-aħħar xhur, kawża ta’ dak li għadda minnu l-pajjiż u r-riżenja tal-Prim Ministru.
Insista li hemm pajjiżi Ewropej li ma għadhomx jafdaw lil Malta filwaqt li saħaq li s-settur privat jibqa’ kruċjali għat-tkabbir.
Mistoqsi dwar l-interconnector u l-ħsara li ġarrab, Fearne saħaq li x-xogħlijiet fuqu se jkunu qed isiru fix-xahrejn jew tlieta li ġejjin.
Insista li Malta teħtieġ li tkompli tivversifika l-ekonomija tagħha filwaqt li tinvesti aktar fir-riżorsi umani.