Il-Kabinett iwaqqaf Kumitat dwar il-governanza ... immexxi minn Zammit Lewis

Waqt din l-ewwel laqgħa tal-Kabinett il-ġdid, il-Prim Ministru saħaq fuq il-governanza b’saħħitha fl-oqsma kollha tat-tmexxija tal-Gvern u tal-amministrazzjoni pubblika

Edward Zammit Lewis
Edward Zammit Lewis

Fl-ewwel laqgħa tiegħu dalgħodu, il-Kabinett il-ġdid iddiskuta u esprima qbil mal-proposta tal-Prim Ministru Robert Abela li jitwaqqaf Kumitat dwar il-Governanza.

Dan il-Kumitat tal-Kabinett għandu jieħu rendikont tal-miżuri li diġà twettqu u dawk li għad iridu jitwettqu, ibbażat fuq ir-rapporti li saru mill-Kummissjoni Venezja u mill-GRECO, u fil-kuntest ta’ taħditiet li diġà kien hemm fil-kumitat immexxi mill-President tar-Repubblika dwar tibdil Kostituzzjonali.

Abbażi ta’ dan ix-xogħol, għandhom imbagħad jiġu abbozati l-emendi u l-liġijiet meħtieġa biex il-pajjiż jassigura iktar governanza bħala waħda mill-prioritajiet tal-Gvern.

Il-Kabinett iddeċieda li l-kumitat jitmexxa mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, u jkun kompost mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurta Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Segretarju tal-Kabinett Mario Cutajar.

Il-Kumitat għandu jirraporta lura lill-Kabinett mill-iktar fis possibbli biex jibda jitwettaq il-programm meħtieġ. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin għandha tkun l-emendi għall-ħatriet fil-ġudikatura.

Waqt din l-ewwel laqgħa tal-Kabinett il-ġdid, il-Prim Ministru saħaq fuq il-governanza b’saħħitha fl-oqsma kollha tat-tmexxija tal-Gvern u tal-amministrazzjoni pubblika. Qal li huwa d-dmir ta’ kull Ministru u Segretarju Parlamentari li jara li l-ħidma fl-oqsma tagħhom issir b’reqqa u b’kontabbilità, u skont kif titlob il-liġi.

 

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar ix-xogħol ta’ kontinwità fuq il-programm tal-Gvern, kif ukoll fuq l-implimentazzjoni tat-tibdiliet meħtieġa, bl-għan li pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem bis-suċċess ekonomiku u soċjali.

More in Politika