Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li rċieva r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Abela ħabbar dan waqt konferenza f'Kastilja li matulha spjega kif waqt il-laqgħa tal-kabinett ta' nhar it-Tlieta li ġej se jkun qed jiddiskutu metodu ġdid biex ikun magħżul il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.
"Nemmen fis-serjetà," saħaq il-Prim Ministru Abela waqt li insista li qiegħed iħares 'il quddiem lejn riforma serja fil-Korp tal-Pulizija.
Huwa rringrazzja lil Lawrence Cutajar u lill-Korp tal-Pulizija għall-ħidma tagħhom kemm biex "fi żmien qasir" tressqu persuni li allegatament kienu involuti fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u anke biex ikunu solvuti każijiet oħra.
Ħabbar li sakemm jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, post Cutajar se jkun qed jieħdu l-Aġent Kummissarju Carmelo Magro.
Preżenti għall-konferenza kien hemm il-Ministru ġdid responsabbli mill-Korp tal-Pulizija, Byron Camilleri.
Lawrence Cutajar kien il-ħames Kummissarju tal-Pulizija minn meta l-Partit Laburista tela' fil-Gvern fl-2013.