Fi żjara li għamlet il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fl-Istitut tal-Istudji għat-Turiżmu, l-ITS, hija faħħret ix-xogħol li qed jagħmel l-istitut sabiex iħarreġ lil dawk l-istudenti li eventwalment se jkunu qed jaħdmu fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u tal-ospitalità.
Dan qed ikun rifless fin-numru ta’ studenti kemm Maltin kif ukoll barranin li rdoppja matul is-sena li għaddiet b’żieda ta’ kważi 90% fl-applikazzjonijiet tal-istudenti l-ġodda.
Il-Ministru Farrugia Portelli nnutat l-importanza li dan l-istitut jagħti fejn jidħol riżorsa umana, tant li din l-istituzzjoni ħasbet ukoll għall-studenti b’diżabbiltà bl-installazjoni ta’ kċina attrezzata u mgħammra b’dak kollu neċessarju. Il-Ministru sostniet li “jeħtieġ li nibqgħu noħolmu u ninvestu sabiex inkomplu nattiraw iktar studenti u potenzjalment ħaddiema f’dan is-settur li kull ma jmur qed ikompli dejjem jiżdied."
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech semma numru ta’ proġetti li din l-istituzzjoni se tkun qed taħdem fuqhom fiż-żmien li ġej fosthom il-ħsieb ta’ dormitorju li mistenni jakkomoda mal-175 student. Huwa esprima wkoll il-viżjoni tiegħu li minn Ottubru li ġej jibdew joffru l-ewwel degree tax-xorta tiegħu mmirat għal dawk li jixtiequ jieħdu ħsieb ċentri ta’ taħriġ.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli temmet tgħid li tħares ’il quddiem sabiex tara lil din l-istituzzjoni tkompli timraħ u tipprepara lill-ħaddiema ta’ għada fis-settur turistiku.