Fi stqarrija mill-Moviment Graffitti, intqal li l-Moviment kien iddiżappuntat li ma kienx hemm bidla fil-politika tal-pompi tal-petrol, minkejja li sentejn ilu, il-Ministru għall-Ambjent ta’ dak iż-żmien José Herrera talab li jkun hemm bidla.
Fi kliem Moviment Graffitti, “għaddew 737 jum minn meta tħabbar li din il-policy ta’ erba’ paġni kollox, kellha tiġi rriveduta.” Kompliet tgħid li l-politika oriġinali tal-2015 kienet “qajmet kontroversja sħiħa minħabba li setgħet twassal għal abbużi u sfreġji ambjentali.”
Dan minħabba l-fatt li din il-policy tippermetti l-iżvilupp ta’ pompi tal-petrol ġodda li d-daqs tagħhom jasal sa 3,000m² u li skontu, ħafna drabi jkunu jinkludu faċilitajiet oħra bħal servizzi ta’ car wash, garaxx għat-tiswija tal-karozzi, ħwienet, ATM u kafetteriji.
Moviment Graffitti kompla jgħid li waqt li l-awtoritajiet qed ikomplu jaċċettaw applikazzjonijiet għal pompi tal-petrol, l-awtoritajiet stess qed jippjanaw li naqilbu għal karozzi elettriċi.
Semma wkoll il-fatt li skont l-abbozz tal-politika rriveduta, “ħafna mill-applikazzjonijiet pendenti ikunu rrifjutati għax mhumiex konformi mar-rekwiżiti l-ġodda.”
Sadanittant, il-ġimgħa li għaddiet, mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru il-ġdid għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li se jiftaħ konsultazzjoni dwar kwistjonijiet kontroversjali, fosthom il-pompi tal-petrol.
Il-Moviment Graffiti fakkar fil-każ tal-pompa tal-petrol tas-Siġġiewi li sejjaħ bħala “assurda” dan għaliex qal li “L-hekk imsejħa ‘rilokazzjoni’ ta’ din il-pompa hija assurda meta tqis li din ħa tkun għaxar darbiet ikbar milli hi (minn 160m² għal 1600m²) fuq art agrikola ODZ biex tinkludi garaxx, uffiċċju, ħanut, car wash u ATM. L-art tagħmel parti minn Wied Xkora, li l-Awtorità tal-Ippjanar stess tinnota li jeħtieġ riġenerazzjoni.”
Kompla jgħid li skont l-abbozz tal-politika l-ġdida, din l-applikazzjoni kieku tiġi rrifjutata, u minħabba dan, qal li “huwa inevitabbli li nistaqsu x’inhi r-raġuni wara dan id-dewmien kollu u jekk dan hux qed isir biex jitħarsu l-interessi tal-ftit.”
Moviment Graffitti kkonkluda l-istqarrija billi esiġa li l-politika l-ġdida tkun approvata u implimentata minnufih.