Il-koalizzjoni Voice for Choice, li fost affarijiet oħra qed tikkampanja favur diskussjoni dwar l-introduzzjoni tal-abort f’Malta ħaditha kontra l-President George Vella hekk kif se jkun qed jindirizza protesta kontra l-abort li se ssir fi Frar.
Fuq Facebook, Voice for Choice saħaq li d-deċiżjoni tal-President Vella li jindirizza din il-manifestazzjoni hija “insult” għal dawk kollha li jaħdmu favur id-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza f’pajjiżna.
Huma saħqu li l-preżenza tal-President għal din il-manifestazzjoni se tkun qed tagħti “prominenza u leġittimità” lil dawk l-organizzazzjonijiet “tal-lemin estrem” u li fi kliehom ġew repetutatament mogħtija l-ġenb mill-elettorat Malti.
Il-President Vella huwa voċiferu ħafna kontra l-abort, tant li fl-ewwel intervista tiegħu bħala President ta’ Malta, kien qal mal-gazzetta ILLUM li jekk quddiemu tasal liġi favur l-abort ma jiffirmahiex u jirriżenja.