Intervista | ‘Diġà hawn arja friska li neħħiet is-sħab minn fuq pajjiżna’
Clayton Bartolo jitkellem dwar il-prijoritajiet tiegħu, l-isfidi li jrid jindirizza u jwieġeb dwar is-sitwazzjoni fil-kabinett, fil-Grupp Parlamentari u l-kontroversja li spiċċa fiha wara l-allegazzjoni li għamel kuntatt ma’ Keith Schembri waqt il-ġurament tal-Prim Ministru
minn Yendrick Cioffi
Clayton Bartolo, wieħed mill-uċuħ ġodda tal-kabinett ta’ Robert Abela. Huwa awditur u accountant u għandu f’idejh Segretarjat Parlamentari importanti, jiġifieri dak għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali. Fl-ewwel intervista tiegħu ma’ gazzetta lokali, l-ILLUM tistaqsih dwar il-prijoritajiet tiegħu, il-kabinett il-ġdid, is-sitwazzjoni fil-Grupp Parlamentari Laburista u l-kontroversja li spiċċa fiha meta ġie allegat li għamel kuntatt ma’ Keith Schembri dakinhar tal-ġurament tal-Prim Ministru.
Bartolo beda billi spjega li dan il-portafoll, sa ftit ilu kien jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru iżda issa ġie taħt il-Ministeru tal-Finanzi. Fi kliemu din kienet “mossa tajba u għaqlija” tal-Prim Ministru Roberta Abela u deċiżjoni li niżlet tajjeb mal-istakeholders fis-setturi li magħhom irid jaħdem.
“Hemm diversi entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru u li huma regolatorji u allura huwa importanti li jkunu taħt il-Ministeru għall-Finanzi anke fid-dawl tal-liġijiet li daħlu u li deħlin biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus,” saħaq Bartolo. “Dawn l-entitajiet se jgħinu lill-Ministeru għall-Finanzi biex isaħħaħ ir-reġim regolatorju. Dawn l-entitajiet regolatorji jridu jimbuttaw il-pajjiżna ’l quddiem.”
Bħala eżempju semma l-kumpaniji li jaħdmu fis-settur tal-gaming u insista li l-pajjiż irid jikkonvinċihom jibqgħu hawn għax il-pajjiż ikollu l-aqwa regolatur. “Jekk dan se jmur pajjiż ieħor mhux se jsib regolatur li aħna għandna hawnhekk,” saħaq is-Segretarju Parlamentari waqt li faħħar ix-xogħol li twettaq l-Awtorità Maltija dwar il-Logħob (MGA).
Tkellem dwar setturi oħra, fosthom dak finanzjarju li huwa importanti ħafna għall-ekonomija Maltija u insista li waħda mill-prijoritajiet tiegħu huwa li jsaħħaħ dan is-settur biex jibqa’ joffri impjiegi ta’ kwalità għal ħafna Maltin, partikolarment żgħażagħ.
‘Irridu niddiversifikaw l-ekonomija tal-pajjiż’
Taħt il-portafoll tiegħu taqa’ wkoll l-ekonomija diġitali u marbuta magħha l-innovazzjoni. Fi kliemu, dan huwa importanti għax dik hija t-triq ’il quddiem biex il-pajjiż jiddiversifika l-ekonomija tiegħu.
“Tlaqna minn ekonomija militari, ftaħna għat-turiżmu u l-manifattura ... issa rridu nħarsu ’l quddiem biex inkomplu niddiversifikaw, lil hinn mis-servizzi finanzjarji u mill-gaming biex jekk jinqala’ xi ħaġa f’dawk is-setturi, ikollna setturi oħra li nistgħu nserrħu fuqhom,” saħaq Bartolo, waqt li semma setturi bħall-AI, il-blockchain, il-cryptocurrency u niċeċ oħra ġodda bħalma huma r-Riċerka u l-Iżvilupp, il-Quantum Technology u oħrajn.
Iżda jibqa’ l-fatt li n-nies ftit li xejn jifhmu x’inhuma dawn it-teknoloġiji u wisq inqas kif l-ekonomija tista’ tgawdi minnha. Fi kliemu, filwaqt li aħna mdorrija bl-ekonomija tal-id, li tibqa’ importanti, l-ekonomija diġitali hija n-naħa l-oħra tal-ispettru għax filwaqt li hemm ħafna nies warajha, minn madwar id-dinja, mhijiex daqshekk tanġibbli.
“Hija teknoloġija bbażata l-aktar fuq is-servizzi u li kapaċi toffri soluzzjonijiet fejn forsi qabel ma kinux jeżistu,” insista Bartolo. Eżempju ta’ dan hija t-teknoloġija tal-blockchain fejn f’din is-sistema hemm nies minn madwar id-dinja kollha li qed jirrekordjaw dak li qed jiġri.
Hija teknoloġija li diġà qed tintuża fil-qasam tal-edukazzjoni u tista’ tintuża f’oqsma oħra bħall-akkomodazzjoni jiġifieri r-reġistrazzjoni tal-kuntratti, tat-trasport etċ. “Kull fejn għandek reġistru jew liċenzji din tista’ tintuża,” spjega Bartolo.
Insista li ’l quddiem din tista’ tintuża wkoll fil-qasam tal-kannabis medika, fejn minħabba li hemm track-record ta’ dak kollu li qed jiġri, il-pazjent, pereżempju, jista’ jifhem minn fejn bdiet il-mediċina, kif ġiet żvillupata sakemm waslet għandu.
‘Fil-gaming hemm 730 post tax-xogħol vakanti ... irrid li jimlewhom il-Maltin’
Komplejna nitkellmu dwar il-ħolqien tal-impjiegi u stqarr mal-ILLUM li fis-settur tal-gaming biss hemm 730 post tax-xogħol li huma vakanti. Kien hawn li staqsejna lil Bartolo jekk jaħsibx li s-sistema edukattiva f’Malta qed tipprepara biżżejjed studenti biex jaħdmu f’dawn is-setturi ġodda.
“Le ma naħsibx li sal-lum qed nippreparaw biżżejjed studenti li għandna bżonn f’dan is-settur. Irridu nħeġġu aktar żgħażagħ biex jagħżlu dan it-tip ta’ suġġetti... Wasal iż-żmien li naraw li l-edukazzjoni tagħna tibda tħares lejn dawn is-setturi ġodda u naraw li dawn verament qed joffru opportunitajiet ta’ xogħol liż-żgħażagħ, b’pagi li huma tajbin ħafna,” saħaq Bartolo. “Mhi x ċajta li fil-gaming irridu nimlew 730 post tax-xogħol. Jiena ngħidlek li ma hawnx nies biex nimlewhom. Jekk ma hawnx irridu nġibu n-nies minn barra għax il-kumpaniji jridu jaħdmu. Jiena rridhom isibu lill-Maltin.”
Jiena dan mhux qed insejjaħlu reshuffle. Għalija dan huwa kabinett ġdid. Qisu kien hemm elezzjoni ġenerali. Dan huwa s-sentiment tan-nies
Fil-fatt insista li din hija waħda mill-isfidi li jrid jindirizza, anke b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni. “Ma rridx li dawn il-pagi tajbin jeħduhom biss impjegati barranin. Jiena rrid nara żgħażagħ Maltin jimxu ’l quddiem u fi żmien għaxar, ħmistax-il sena jkunu qed imexxu dawn il-kumpaniji l-Maltin.”
Kien hawn li waqt li qed nitkellmu fuq dawn is-setturi ġodda, is-Segretarju Parlamentari insista li jrid jara lil dan is-settur jgħolli r-reputazzjoni tal-pajjiż u mhux bil-kontra.
“Ma narax is-settur tal-gaming bħala wieħed maħmuġ. Anzi jiena rrid li nużaw dawn l-oqsma biex insaħħu r-reputazzjoni tal-pajjiż.”
Reputazzjoni: ‘Diġà hawn arja friska li neħħiet is-sħab minn fuq pajjiżna’
Hawn waqqaftu biex nistaqsih jekk jaħsibx li dak kollu li għadda minnu l-pajjiż fl-aħħar ġimgħat tappanx ir-reputazzjoni tal-pajjiż u jekk is-settur finanzjarju hux jitħasseb dwar dan.
“Ma tistax ma tinwetanix. Bdejna laqgħat kemm jiena u anke l-Ministru Edward Scicluna (li insista li diġà bnew relazzjoni tajba bejniethom) mal-istakeholders, l-entitajiet u l-awtoritajiet u kollha kemm huma qalulna l-istess ħaġa: Id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Prim Ministru Robert Abela qed jawguraw tajjeb għall-futur; Il-ħatra tal-kabinett, ir-riżenja tal-kummissarju, il-metodu li bih se jkun appuntat il-Kummissarju l-ġdid,” insista Bartolo.
Ma waqafx hawn. Fi kliemu stess: “Diġà qiesu hawn dik l-arja friska li naddfet dak kollu li kien hawn qabel, neħħiet is-sħab minn fuq pajjiżna u issa huwa ż-żmien li nimirħu ’l barra mill-pajjiż u ma nibżgħux nitkellmu,” insista Bartolo.
Iżda ma stajtx ma nistaqsihx. Dawn il-passi ma setgħux saru qabel? Ma stajtux titkellmu qabel? “Wara kulħadd huwa għaref. Mhux se nidħol fl-argument ta’ x’seta’ kien u x’ma ġarax u għaliex ma ġarax ... jiena mdorri li ladarba ddeċidejt inħares u nimxi ’l quddiem. Id-deċiżjonijiet ittieħdu u ma għandix dubju li jekk ikun hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet oħra se jittieħdu, għax il-PM diġà wera l-livell ogħli ta’ etika li bih irridu nimxu,” wieġeb is-Segretarju Parlamentari.
Kompla jisħaq li ħafna mill-affarijiet li jdejqu lin-nies fis-settur tiegħu huwa meta għandek Gvern li ma jiddeċidix. “Meta Gvern ma jiddeċidix ikun qed iwaħħal is-settur kollu. Ladarba għandna Gvern li qed jiddeċiedi, is-settur għandu s-serħan tal-moħħ li jekk tinqala’ kwistjoni, il-Gvern u l-Prim Ministru mhux se jiddejqu jaġixxu,” saħaq Bartolo.
‘Dan mhux reshuffle. Dan huwa kabinett ġdid’
Kien hawn li hu stess fakkar kif il-kabinett huwa magħmul minn uċuħ u ideat ġodda iżda fih ukoll il-veterani li għandhom l-esperjenza. “Bejniethom dawn kapaċi jwasslu riżultati effettivi u effiċjenti,” kompla Bartolo. Fi kliemu, il-kabinett il-ġdid huwa prova ta’ kemm Robert Abela qiegħed iħares għall-quddiem u ta’ kemm irid jaħdem qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
“Għażel li jagħmel kabinett li fuq banda għandu l-esperjenza u mill-banda l-oħra jkun hemm it-tibdil u t-tiġdid. Jiena dan mhux qed insejjaħlu reshuffle. Għalija dan huwa kabinett ġdid. Qisu kien hemm elezzjoni ġenerali. Dan huwa s-sentiment tan-nies,” insista Bartolo.
Imma kulħadd wara Robert Abela?
Staqsejtu dwar is-sitwazzjoni fil-kabinett. Fih hemm Chris Fearne li kkontesta kontra Robert Abela u Ministri li kkampanjaw favur id-Deputat Prim Ministru. Minkejja dan, fi kliem Bartolo, fil-kabinett hemm “armonija” u r-rieda li wieħed jaħdem.
Waqt li fakkar li hu u membri oħra tal-kabinett kienu fuq il-backbench, appella biex din ma tingħata qatt il-ġenb. “Fil-Parlament, in-nies li jkunu fuq il-backbench jagħmlu ħafna xogħol.”
Bħalma hu tela’ fil-kabinett, kien hemm min niżel, inkluż Chris Cardona li qal li kienet għażla tiegħu u Joe Mizzi. Possibbli ma hemmx xi ftit ta’ qrusa? “Id-deċiżjonijiet ittieħdu fl-aħjar interess tal-pajjiż. Wara biss ftit jiem in-nies indunaw li d-deċiżjonijiet li ħa l-PM kienu għall-aħjar. Meta tiddeċiedi qatt ma tiddeċiedi biex togħġob lil kulħadd.
“Imma kulħadd huwa wara Robert Abela?” staqsejtu. “Dan għalija huwa rrilevanti,” wieġeb. “Li huwa importanti huwa l-fatt li l-PM għamilha ċara fl-ewwel diskors tiegħu li jekk hemm min għadu mhux konvint minnu, lest jiġri warajhom biex jikkonvinċihom. Nemmen li Robert kapaċi jikkonvinċi anke lil dawk li sal-lum forsi għadhom xettiċi.”
Qal biss li l-Partit Laburista, bil-kabinett u l-Grupp Parlamentari jinsab magħqud b’mod assolut. “Ma stennejtx li se nkunu magħqudin daqshekk malajr,” saħaq Bartolo waqt li fakkar fl-ewwel attività tal-Mexxej il-ġdid fil-padiljun sportiv ta’ Raħal Ġdid.
‘Ma għandniex inħarsu biċ-ċira lejn Chris Fearne u min ħadem għalih’
Iżda fakkartu li għall-ewwel diskors ma kienx hemm nies bħal Chris Fearne. “Iva. Ma kienx hemm. Hija għażla tiegħu iżda ma jfissirx li għandna nħarsu biċ-ċira lejn Chris Fearne jew in-nies li ħadmu għalih,” insista Bartolo.
Komplejt nistaqsih jekk kienx ikun aktar għaqli kieku Ministri u Deputati qagħdu aktar lura milli jappoġġjaw kandidat jew ieħor. “Kulħadd għamel kif ħass hu. Inkluż jien. Tkellimt f’taż-żewġ kandidati. Iżda mbagħad indirizzajt l-aħħar attività ta’ Robert Abela,” fakkar Bartolo. “Sinċerament ma jiddisjpaċinix. Jiena mort fl-attivitajiet tat-tnejn. Tkellimt. It-tnejn għandhom it-tajjeb tagħhom u ħadd mhu perfett,” kompla jisħaq waqt li faħħar xogħol Chris Fearne fosthom il-liġi tal-IVF. “Fadallu ħafna x’joffri. Qed nieħu gost narah jiddiskuti mal-PM u mal-bqija tal-kabinett.”
Robert liberu b’Joseph bilqiegħda warajh?
Is-Segretarju Parlamentari semma kemm-il darba li fejn hemm bżonn tibdil dan se jseħħ. Staqsejtu jekk il-fatt li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ backbencher jistax iżomm lil Abela milli jieħu ċertu deċiżjonijiet li jeħtieġ jittieħdu, għax wara kollox il-Gvern kemm-il darba qal l-istess fuq Simon Busuttil għax baqa’ fil-Parlament.
“Joseph Muscat aċċetta lil Robert Abela bħala l-Mexxej tiegħu. Simon Busuttil ma aċċettax lil Adrian Delia bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ... Joseph Muscat diġà għamilha ċara. Resaq kemm jista’ jkun lura biex iħalli lil Robert Abela jiddeċiedi,” insista Bartolo. “Joseph Muscat huwa wieħed minnha. Milqugħ fil-Grupp Parlamentari.”
‘Lil Keith Schembri ma kellimtu fl-ebda ħin’
Clayton Bartolo spiċċa wkoll f’nofs kontroversja meta d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi xerred screenshot tal-app Signal, li fiha Clayton Bartolo deher online fl-istess ħin li kien online l-eks Chief of Staff Keith Schembri. Staqsejtu jekk hux vera tkellem ma’ Keith Schembri.
“Jiena lil Keith Schembri ma kellimtu fl-ebda ħin. Lanqas niftakar meta l-aħħar kellimtu. Ilu ftit mhux ħażin,” insista Bartolo waqt li insista li niżżel l-app Signal dakinhar stess u ma kellux idea kif jużaha. Insista li ħassarha meta nduna li l-app tixbah ħafna lil WhatsApp.
Insista li din kienet biss kwistjoni ta’ “setting” u filwaqt li kien hemm min rahom online fl-istess ħin, hemm min rahom f’ħinijiet differenti.
“Hemm spjegazzjoni teknika,” insista Bartolo. “Nixtieq li tal-inqas Jason Azzopardi jiċċekja l-fatti. Bħalma jiena ma nafx kif jaħdem, lanqas hu ma jaf.”
‘Ma hemm l-ebda ħsieb dwar elezzjoni ġenerali’
Hawn min qed jisħaq ukoll li Robert Abela ma jdumx ma jsejjaħ elezzjoni, biex hekk apparti l-fiduċja tal-membri tal-PL, ikollu wkoll il-fiduċja tal-poplu, fi żmien meta l-Oppożizzjoni ftit li xejn għandha ċans tirkupra. X’jaħseb Bartolo dwar dan?
“Dan huwa Gvern li għandu l-akbar mandat fl-istorja. Gvern li għandu programm elettorali xi jwettaq. Dik il-maġġoranza għadha hemm illum,” saħaq Bartolo.
Iżda ma jaħsibx li dan għadu l-Gvern ta’ Joseph Muscat? “Dan huwa l-Gvern Laburista, elett bil-mandat elettorali l-Aqwa Żmien. Dan huwa programm elettorali ambizzjuż ħafna, biex inwettquh fadlilna ħafna xogħol ... ma hemm l-ebda ħsieb fuq elezzjonijiet ġenerali,” temm jgħid Bartolo.