Illum il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ppubblika r-rapport tal-evalwazzjoni dwar il-kuntratt ma' Vitals Global Healthcare biex dawn jingħataw tliet sptarijiet tal-poplu. Ir-rapport ingħata lill-Kap tal-Oppożizzjoni b'deċiżjoni tal-Qorti.
Delia qal li huwa ċar li nħadem pjan li l-għan aħħari tiegħu kien li jinsterqu l-assi tal-poplu ħalli xi wħud jagħmlu l-miljuni minn fuq dahar il-poplu. Hu qal li mir-rapport joħroġ li fuq il-bord tal-evalwazzjoni kien hemm Manwel Castagna, wieħed mis-sieħba tan-Nexia BT.
Ir-rapport jinkludi l-obbligi li kellhom jagħmlu Vitals. Skont dawn l-obbligi, Vitals kellhom jinvestu €179 miljun fuq medda ta' ftit snin biex iwettqu dawn l-obbligi. "Minflok dan l-investiment rajna l-Gvern iżid sena wara l-oħra, mill-finanzi pubbliċi, in-nefqa fuq it-tliet sptarijiet. Flok investa fil-privat kif wiegħed, il-poplu spiċċa jħallas il-miljuni kbar lill-kumpanija privata li naqset milli tagħmel l-obbligi tagħha," sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Huwa qal illi l-Gvern irid iwieġeb għal dan l-iskandlu. "Il-Ministru tal-Finanzi irid iwieġeb u jispjega x'qed isir mit-taxxi tal-poplu."
Delia qal li dan kien proċess ta' evalwazzjoni biex jiġġustifika l-inġustifikabbli. Il-poplu għandu dritt għat-trasparenza u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li d-dokument jiġi ppubblikat. Hemm ċertezza li dak li l-poplu kellu jieħdu mhux qed jieħdu.
"Dan ifisser li hemm responsabbilità politika li trid tinġarr mhux l-inqas mill-Ministru tal-Finanzi, mill-Ministru tas-Saħħa u anke mill-Prim Ministru," temm jgħid Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.