Sondaġġ xjentifiku | 85% tal-Maltin kontra l-abort

Iktar irġiel u żgħażagħ jaqblu mal-abort milli nisa u l-anzjani

Sondaġġ xjentifiku li sar minn din il-gazzetta juri kif maġġoranza qawwija ħafna ta’ Maltin u Għawdxin baqgħu kontra l-introduzzjoni tal-abort. 

Fil-fatt mistoqsijin jekk jaqblux li l-abort ikun legalizzat, 85.3% ta’ dawk li rrispondew wieġbu fin-negattiv filwaqt li kienu biss 8.6% li qalu illi jaqblu. Il-kumplament, jiġifieri 6% wieġbu li ma jafux jekk jaqblux jew le li jibda l-proċess biex l-abort ikun legalizzat. 

Minkejja li globalment il-persentaġġ ta’ nies li huma kontra l-abort huwa skjaċċanti, qari iktar mill-qrib tal-figuri jagħti stampa interessanti ta’ liema huma l-aktar setturi tal-poplu li jaqblu jew ma jaqblux mal-abort. 

Nisa, Għawdxin, anzjani u dawk b’edukazzjoni primarja

Notevolment, l-aktar nies li huma kontra l-abort f’termini ta’ ġeneru huma n-nisa, b’87.5% kkumparat mas-7% biss li huma favur. 

Notevoli għaliex ħafna drabi l-argument favur l-abort huwa li dan għandu jitħalla fil-libertà tal-mara u għandu jkun id-dritt tagħha. Allura wieħed kien jistenna illi l-miżien kien ixaqleb aktar lejn in-nisa. 

Kif mistenni, l-aktar li huma kontra, f’termini ta’ età, huma dawk li għandhom iktar minn 65 sena u f’termini ġeografiċi l-Għawdxin, li fuq kwistjonijiet soċjali u li jmissu mill-qrib tagħlim reliġjuż dejjem kienu aktar konservattivi. Fil-fatt, f’Għawdex il-persentaġġ ta’ nies li vvutaw kontra d-divorzju fir-referendum li kien sar fl-2011 kien pjuttost għoli.

Kważi dawk kollha li wieġbu u li għandhom aktar minn 65 sena qalu illi huma kontra l-legalizzazzjoni tal-abort, preċiżament 97.3%. B’kollox kienu 90.6% tal-Għawdxin li qalu illi ma jaqblux li jkun legalizzat l-abort. 

Interessanti wkoll li dawk li għandhom livell iktar baxx ta’ edukazzjoni huma aktar kontra l-abort milli dawk li għandhom livell ogħla.  Fil-fatt, 98% ta’ dawk kollha li wieġbu għal dan is-sondaġġ u kellhom livell primarju ta’ edukazzjoni qalu li huma kontra l-legalizzazzjoni tal-abort. 

Irġiel, żgħażagħ, mit-Tramuntana u tal-università

L-aktar sezzjoni tal-popolazzjoni li hija l-aktar predisposta biex taċċetta l-legalizzazzjoni tal-abort hija dik żagħżugħa u dik li għandha livell terzjarju ta’ edukazzjoni. 

Minn fost dawk li pparteċipaw f’dan is-sondaġġ u kellhom bejn 18 u 35 sena, 21% qalu illi jaqblu li l-abort ikun legalizzat, filwaqt li 19% ta’ dawk illi wieġbu u kellhom livell terzjarju ta’ edukazzjoni wieġbu l-istess. Fost is-settur taż-żgħażagħ 4.3% ma kinux jafu kif għandhom jirrispondu, persentaġġ li jaqa’ taħt il-marġini ta’ żball u allura pjuttost insinjifikanti. L-istess, l-indeċiżjoni fost dawk li għandhom livell terzjarju edukattiv hija biss 6.4%. 

Kif diġà għidna, fost l-irġiel, il-persentaġġ ta’ nies li jaqblu mal-abort huwa ogħla min-nisa b’total ta’ 10%.

L-iktar żona tal-pajjż fejn persuni jaqblu mal-legalizzazzjoni kienet it-Tramuntana u allura ż-żona li tinkludi lil San Pawl il-Baħar. 

Madanakollu, iż-żona tan-Nofsinhar tal-Port hi dik li fiha kien hemm l-inqas persentaġġ ta’ persuni li ma jaqblux mal-abort b’76.5%. F’din iż-żona li tinkludi lill-Kottonera, hemm l-ogħla persentaġġ ta’ persuni li mhumiex deċiżi dwar jekk l-abort għandux ikun legalizzat jew le, b’13.2%. 

Nota

L-istħarriġ sar bejn nhar it-Tlieta 21 ta' Jannar 2020 u t-Tlieta 28 ta' Jannar 2020. B'kollox aċċettaw li jipparteċipaw 655 persuna. Il-kampjun jirrifletti l-karaterristiċi tal-popolazzjoni skont l-età, reġjun u l-ġeneru.

Il-marġini ta' żball huwa ta' 5% iżda dan huwa ikbar meta n-numri jiġu maqsumin skont l-aspetti ta' età, ġeneru u reġjun.

More in Politika