Il-whistleblower li espona l-korruzzjoni fit-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija qed jisħaq li diversi uffiċjali kienu qed jiġbru flejjes mingħand kumpaniji kbar tal-kostruzzjoni u anke kumpaniji ta’ trasport biex jagħlqu għajnejhom għal kontravenzjonijiet tat-traffiku u ksur ta’ liġi.
Anke jekk ma qalet xejn dwar dan, għax sa issa qed tisħaq li l-investigazzjoni hija dwar abbuż mis-sahra, dalgħodu l-Pulizija ħabbret li l-għadd tal-Pulizija arrestati issa tela' għal 40 uffiċjal.
It-total tal-uffiċjali sospiżi u li ngħataw il-police bail huwa ta' 25. Sa issa kienu 4 uffiċjali, inkluż supretendent, li rriżenjaw mill-Korp
X'qed jgħid il-whistleblower?
Skont sorsi li tkellmu ma’ The Malta Independent, hu mifhum li l-whistleblower qed jisħaq li f’Diċembru li għadda diversi pulizija kienu qed jiġbru flus u rigali minn kumpaniji, xi ħaġa li kienet ilha tiġri għal diversi snin, liema flus kienu qed jiddaħħlu f’kont bankarju ta’ uffiċjal partikolari biex aktar tard jitqassam mal-bqija ta’ sħabu.
Din is-sitwazzjoni waslet għal sitwazzjoni prekarja f'din it-Taqsima tant li uffiċjali minn taqsimijiet oħra u anke uffiċjali tal-LESA u Transport Malta qed jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ pulizija tat-traffiku.
Skont MaltaToday, pulizija tat-traffiku kienu qed jirċievu pagamenti għas-sahra biex ikunu preżenti waqt xogħlijiet fit-toroq iżda ma kinux qed imorru.
Hu mifhum li dawn il-pagamenti għas-sahra li ma saritx ilaħħqu l-miljuni.
Jidher ukoll li mill-investigazzjoni rriżulta li ħafna mill-muturi tal-pulizija, li jintużaw minn din it-taqsima, kellhom it-tracking devices imneħħija jew mitfija biex ikun diffiċli biex wieħed isir jaf fejn qiegħdin.