Frank Psaila li sa ftit xhur ilu kien ġurnalist fuq NET TV u anke kandidat fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew saħaq mal-gazzetta ILLUM li mhu qed jiġri wara l-ebda kariga fil-Partit Nazzjonalista u ċaħad li qed ikun imbuttat mill-Kap Adrian Delia biex joħroġ għal Segretarju Ġenerali.
L-ILLUM għamlet kuntatt ma’ Psaila wara li Deputati Nazzjonalisti u sorsi tal-gazzetta saħqu li dan l-aħħar Frank Psaila reġa’ qed jidher ħafna fl-uffiċċju ta’ Adrian Delia u huwa l-kandidat favorit tiegħu biex isir Segretarju Ġenerali.
Skont l-istess sorsi, waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li saret nhar it-Tlieta li għadda, Adrian Delia l-ewwel xtaq li Clyde Puli jibqa’ Segretarju Ġenerali interim tal-Partit Nazzjonalista sakemm titħejja r-riforma li qed imexxi Louis Galea u eventwalment isiru l-elezzjonijiet għall-karigi l-aktar importanti fil-Partit.
Madanakollu l-maġġoranza tal-Kumitat Eżekuttiv ma qabilx ma’ din il-proposta u kien hawn li r-rappreżentanti tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (MŻPN) u anke xi Deputati qamu pproponew l-isem ta’ Francis Zammit Dimech.
“Adrian Delia għamel tliet kwarti jokrob biex nagħtuh ċans tlett ijiem,” saħaq wieħed mis-sorsi waqt li insista li dak il-ħin Delia ġie dahru mal-ħajt għax ma kellu lil ħadd aktar lil min jipproponi minflok Clyde Puli.
Anke jekk ir-riżultat tal-vot baqa’ qatt ma ġie ppubblikat, l-ILLUM tinsab infurmata li Zammit Dimech kien elett b’56 vot favur, 6 kontra u 11-il astensjoni, inkluż dik tal-Kap Adrian Delia u l-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli.
Sors ieħor ukoll ikkonferma li Delia talab biex il-vot ma jitteħidx dak il-ħin. Fi kliemu ried jikkonvinċi lil xi ħadd “minn tiegħu,” probabbilment lil Frank Psaila, biex jieħu f’idu din il-kariga.
Id-Deputati li tkellmu mal-ILLUM saħqu kif minkejja li minn wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila ma deherx aktar fuq it-televiżjoni tal-Partit Nazzjonalista, sikwit, speċjalment dan l-aħħar, kien qed ikun fl-uffiċċju ta’ Adrian Delia.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta, Psaila ċaħad kategorikament li qed ikun imbuttat minn Adrian Delia jew minn xi ħadd fil-Partit Nazzjonalista biex joħroġ għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali.
Insista li hu ma għandu l-ebda intenzjoni u mhu qed ifittex li jkollu l-ebda kariga fil-Partit Nazzjonalista.
Fakkar li wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kien qal li se jiddedika aktar ħin għall-famija u x-xogħol personali tiegħu iżda, fi kliemu, dan ma jfissirx lanqas li nqata’ għal kollox mill-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, Psaila kkonferma li ġieli jiltaqa’ ma’ Adrian Delia biex “nagħtih xi pariri u nħabbtu l-ideat.” Fi kliemu, l-aktar li jitkellmu huwa fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.
“Iżda I am not after any post,” baqa’ jisħaq magħna Psaila. “Anzi nifraħ lil Francis Zammit Dimech. Huwa persuna lealissimu għall-Partit Nazzjonalista.”
Huwa sigriet magħruf li Frank Psaila kien il-kandidat favorit ta’ Adrian Delia fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u kienet xi ftit jew wisq ta’ disfatta meta dan ma kienx elett.
Dawk viċin Delia kienu qed jittamaw li Psaila jieħu post David Casa fil-Parlament Ewropew, iżda dan ma seħħx. Fl-ewwel count, Psaila kien kiseb 13,268 vot. David Casa 20,493.