Il-Gvern se jħabbar pjan ġdid għall-ħatra tal-ġudikanti fil-ġimgħat li ġejjin

Il-Ministru Edward Zammit Lewis jisħaq mal-ILLUM li l-Gvern se jissorprendi lin-nies bil-bidliet li se jagħmel

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis, żvela mal-gazzetta ILLUM li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar pjan ġdid dwar kif se jkunu qed jintgħażlu l-ġudikanti, kif se jinħatar il-Prim Imħallef u l-mekkaniżmu li se jintuża f’każ li jkun hemm ġudikanti li ma jaqdux dmirhom sew skont il-Kostituzzjoni u skont il-ġurament tagħhom.

“Hija wegħda li qed nagħmel jien. Ir-riforma mhijiex ’il bogħod. Hija fil-ġimgħat li ġejjin,” insista l-Ministru l-ġdid responsabbli mill-Ġustizzja f’intervista dwar il-prijoritajiet tiegħu.

Filwaqt li fakkar fir-riforma li saret fl-2016, insista li l-Kummissjoni Venezja, filwaqt li rrikonoxxiet li dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba, dehrilha li fadal xi jsir biex is-sistema ġudizzjarja tissaħħaħ.

“Il-Partit Nazzjonalista qatt ma għamel xejn fuq dan u ma għandux il-kredibbilità biex jgħidilna x’għandna nagħmlu. Aħna qbadna l-barri minn qrunu,” saħaq il-Ministru.

Huwa insista li huwa ċar li r-riformi proposti mill-Kummissjoni Venezja ttieħdu bis-serjetà minn dan il-Gvern u fi kliemu dan jidher ċar anke fid-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jgħaqqad il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-governanza f’Ministeru wieħed.

Hawnhekk, il-Ministru insista li r-riformi jridu jsiru abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja, jiġifieri ma jfissirx li se jkunu implimentati kelma b’kelma minn dak li jgħid ir-rapport, għax fi kliemu, l-ewwel u qabel kollox għax Malta hija pajjiż sovran u mhux għax il-pajjiżi kollha Ewropej għandhom l-istess ċirkostanzi.

“Se naraw li r-riforma ssir kemm jista’ jkun fil-parametri tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja, f’ċirkostanzi li jagħmlu sens għal pajjiżna,” saħaq Zammit Lewis. “Irridu nħarsu wkoll lejn id-dinjità tal-Avukati, fejn meta persuna tapplika mhux inxandruha ma’ kulħadd għax ma tkunx għaddiet. Irridu nissalvagwardjaw lil dawn in-nies li jersqu ’l quddiem biex jagħtu servizz.”

Kien hawn li l-Ministru saħaq li hija ħasra li ma tantx tissemma l-ħidma li saret biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-Imħallfin u l-Maġistrati, inkluż il-pakkett finanzjarju tagħhom.

“Kont avukat taħt il-Partit Nazzjonalista u din qatt ma saret. Kienet ilha tgħid il-ġudikatura. Tajnihom id-dinjità,” insista l-Ministru waqt li tenna li l-Gvern se jimplimenta aktar miżuri biex il-pajjiż jersaq aktar lejn dak li jixtieq ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, għax fi kliemu: “nemmnu fih.”

Filwaqt li saħaq li wieħed ma jistax imaqdar l-istituzzjonijiet għax dawn dejjem ħadmu, inkluż il-Qrati, insista li f’demokrazija l-bidliet huma importanti.

“Robert Abela għandu din il-konvinzjoni. Jiena għandi din il-konvinzjoni. Se nkunu qed nissorprendu lin-nies bil-bidliet li se nagħmlu,” insista l-Ministru.

‘Ġudikant li jdum snin biex jagħti sentenza mhux se jsib lili fuq in-naħa tiegħu’

Ministru ma jistax jindaħal f’dak li tagħmel il-Qorti, iżda l-ILLUM staqsiet lill-Ministru dwar ċertu dewmien fil-Qorti biex jinqatgħu sentenzi jew inkella dwar sentenzi, bħal fil-każ ta’ vjolenza domestika, li mhumiex biżżejjed biex iservu ta’ detterent.

Beda billi saħaq li għal 14-il sena sħaħ huwa ħadem fil-Qorti u għalhekk jista’ jifhem aħjar is-sitwazzjoni kemm tal-ġudikatura, tal-avukati u anke tan-nies u kien hawn li saħaq li issa bħala Ministru ħalef biex ikun fuq in-naħa tan-nies.

“Jiena la se nkun trejd unjonista tal-imħallfin u l-maġistrati u lanqas trejd unjonista tal-Kamra tal-Avukati. Jiena se nkun fuq in-naħa tan-nies,” insista Zammit Lewis. “Kull persuna li titla’ l-Qorti trid tingħata dinjità għax il-ġustizzja qiegħda hemm għal kulħadd.”

Robert Abela għandu din il-konvinzjoni. Jiena għandi din il-konvinzjoni. Se nkunu qed nissorprendu lin-nies bil-bidliet li se nagħmlu

Kien hawn li beda jitkellem fuq is-seduti u fuq is-sentenzi, bil-Ministru Zammit Lewis ma jdurx mal-lewża u jisħaq li mhux aċċettabbli li n-nies jitħallew jitilgħu l-Qorti meta s-seduta tkun differita.

“Nistenna li l-imħallfin u l-Maġistrati jirrispettaw lin-nies,” insista l-Ministru waqt li saħaq li llum hemm mezzi biex tikkomunika man-nies.

Qaleb id-diskors biex jitkellem fuq is-sentenzi. “Mhux aċċettabbli li f’kawża ngħataw il-provi kollha, saru s-sottomissjonijiet finali u s-sentenza tingħata ħames snin wara,” saħaq il-Ministru. “Imħallef jew ġudikant li jagħmel hekk mhux se jsib lili fuq in-naħa tiegħu.”

‘Irrid il-koperazzjoni tal-Imħallfin u l-Maġistrati’

Mistoqsi jekk id-dewmien hux riżultat tal-pressjoni fuq il-ġudikanti, il-Ministru saħaq li sar ħafna xogħol fi żmien il-preduċessur tiegħu Owen Bonnici biex id-dewmien naqas iżda insista li hemm ċertu sitwazzjonijiet fejn fadal xi jsir.

Ma waqafx hemm. Kompla jisħaq li “lanqas ma hu aċċettabbli li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili taqta’ sentenza, erba’ snin u nofs wara jsir appell minn dik is-sentenza u erba’ snin u nofs wara tkun għadek ma rċevejtx l-avviż biex tidher quddiem il-Qorti tal-Appell, quddiem tliet imħallfin. Immaġina kumpanija li kellha tieħu l-flus, ingħatat raġun u appellawlha. Immaġina persuna li qed tissepara u għandha d-destin tagħha mdendel, trid tibda ħajja ġdida u snin wara għadu lanqas biss beda jinstema’ l-appell.”

Kien hawn li Edward Zammit Lewis saħaq li jinsab determinat li dawn l-affarijiet jinbidlu u għamilha ċara li jrid il-koperazzjoni tal-imħallfin u l-maġistrati dwarha. “Se nkun voċiferu fuqha u se nitkellem fuqha,” qal il-Ministru.

Filwaqt li saħaq li mhux kollox jiddependi mil-liġi, żvela li se jkun qed jipproponi emendi partikolari f’partijiet differenti fil-liġi.

‘Ma jistax ikun li jgħaddu s-snin biex tingħalaq inkjesta’

Għadda biex jitkellem fuq l-inkjesti u anke hawn tkellem kontra d-dewmien żejjed. Filwaqt li faħħar ix-xogħol ta’ maġistrati li jkunu qed jaħdmu fuq inkjesti, insista li ma jistax ikun u mhux se jippermetti li jgħaddu s-snin u inkjesta tibqa’ qatt ma tingħalaq.

“Immaġina persuna li weġġgħet fuq ix-xogħol u ma tistax tiftaħ kawża ċivili għax l-assigurazzjoni tgħid li qed tistenna r-riżultat tal-inkjesta. Dawn huma problemi prattiċi li missejt b’idejja,” saħaq il-Ministru Zammit Lewis.

‘Għajb li nattakkaw il-ġudikanti ... għandna sistema ġudizzjarja tajba’

Mill-banda l-oħra, il-Ministru insista li “huwa għajb” li l-ġudikanti jkunu attakkati.

Saħaq li dan għamlitu l-Oppożizzjoni fl-aħħar snin fuq uħud mill-ġudikanti appuntati mill-Gvern.

Zammit Lewis qal li jekk wieħed iħares lejn l-istorja tal-Qrati Maltin jikkonkludi li l-ġudikanti, il-Prim Imħallfin, imħallfin u maġistrati, fil-maġġoranza assoluta tagħhom, dejjem qdew dmirhom tajjeb u b’onestà.

“Setgħu kienu kandidati tal-Partit Nazzjonalista jew tal-Partit Laburista. Meta telgħu hemm qdew xogħolhom b’imparzjalità,” insista l-Ministru.

Kien hawn li filwaqt li saħaq li hemm x’wieħed jirranġa, insista li s-sistema ġudizzjarja Maltija hija tajba.

“Ejja ma nkunux boloh u naħsbu li għandna xi sistema ġudizzjarja li hawn xi stati membri oħra li huma aħjar minna. Qegħdin magħhom u f’ċertu aspetti qegħdin aħjar minnhom,” saħaq il-Ministru.

Il-każ ta’ Daphne tefa’ kollox fid-dell? Qed issir ġustizzja?

Filwaqt li huwa minnu li sar titjieb, donnu li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tefa’ kollox fid-dell. L-ILLUM staqsiet lill-Ministru jekk jaħsibx li l-ġustizzja f’dak il-każ hux qed issir u jekk qed issir, hijiex biżżejjed.

Beda billi insista li l-qtil ta’ Daphne kien wieħed faħxi u saħaq li l-pajjiż kollu għandu juri solidarjetà mal-familja kollha ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Ma hemmx dubju u nkunu boloh jekk naħsbu mod ieħor, li dan ma għamilx dannu kbir lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna,” insista l-Ministru iżda saħaq ukoll li ma nkunux ġusti jekk ngħidlu li l-pajjiż ma għamel xejn dwar dan.

“Pajjiżna rnexxielu jtella’ n-nies il-Qorti. Hemm proċess kriminali li għaddej, mingħajr indħil u mingħajr xejn. In-nies responsabbli li nstabu qed jiffaċċjaw ġustizzja. Hemm inkjesta pubblika għaddejja minn tliet persuni li ntgħażlu mal-familja,” qal il-Ministru.

‘Irridu nkunu boloh biex ngħidu li ma hemmx problema’

Madanakollu insista li l-Gvern Robert Abela jrid jagħmel sforzi kbar biex itejjeb ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Fi kliemu l-Gvern kollu, iżda b’mod partikolari hu bħala Ministru għall-Ġustizzja, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Prim Ministru Robert Abela, iridu jaħdmu biex imexxu l-pajjiż ’il quddiem.

“Irridu nkunu boloh biex ngħidu li ma hemmx problema. Irridu nkunu inġenwi politikament jekk ngħidu hekk. Nafu li hemm problema. Il-Prim Ministru bl-ewwel sinjali li bagħat wera li l-Gvern hu konxju,” insista l-Ministru.

Saħaq li propju għalhekk li qed jiltaqgħu mal-Presidenti u ma’ dawk li jmexxu l-istituzzjonijiet Ewropej biex jikkonvinċuhom li se jkun hemm proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali importanti.

Il-kirjiet: x’se jagħmel bl-aħħar deċiżjonijiet tal-Qorti?

L-ILLUM staqsiet lill-Ministru dwar deċiżjonijiet riċenti tal-Qorti, kemm lokali u anke dawk tal-Unjoni Ewropea, dwar il-kirjiet, fejn sidien ta’ proprjetajiet, inkluż każini tal-banda, rebħu kawżi, bil-Qorti tiddikjara li l-liġi tal-kera, li tipproteġi l-kirjiet ta’ qabel l-1993, qed tiksrilhom id-drittijiet tagħhom li jgawdu l-proprjetà.

Il-gazzetta ILLUM kienet kitbet ħafna dwar dan tant li l-Gvern kien daħħal emendi fil-liġi bil-għan li jipproteġi lis-soċjetajiet mużikali, b’mod partikolari, milli jispiċċaw ’il barra fit-triq.

“Nifhem kemm lis-sidien u kemm lill-membri ta’ dawn is-soċjetajiet mużikali li jagħmlu xogħol inkredibbli maż-żgħażagħ tagħna mill-aspett kulturali. Irid ikun hemm bilanċ,” saħaq il-Ministru Zammit Lewis.

Qal li huwa konxju wkoll ta’ sensiela ta’ sentenzi li qed joħorġu l-Qrati, kemm lokali u anke l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

“Huma ċari. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-piż fejn jidħlu l-kirjiet protetti jrid jieħdu l-Gvern u mhux il-privat,” saħaq il-Ministru.

Zammit Lewis saħaq li r-riformi li daħħal fis-seħħ il-Ministru Bonnici f’dan ir-rigward huma importanti u hu jaqbel magħhom tant li ħadem spalla ma’ spalla miegħu fuqhom.

“Hija sfida kontinwa. Soluzzjonijiet mhux faċli. Irridu nsibu dejjem bilanċ bejn id-drittijiet tal-privat li għandu dritt skont il-Konvenzjoni Ewropea u d-drittijiet tal-inkwilini. Jiena se nkun hemm u nara li dan il-bilanċ jinżamm. Konxju ħafna mis-sitwazzjoni. Mhux faċli. Iżda meta se jiġu dawn is-sitwazzjonijiet se nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet biex dan il-bilanċ jinżamm,” saħaq Zammit Lewis.

‘Il-legat ta’ Joseph Muscat ma nistgħux ninsewh’

Jekk hemm xi ħaġa li dwarha l-Gvern Laburista ġie kkritikat u kkritikat bl-aħrax, bla dubju ta’ xejn hija l-governanza. X’se jagħmel Zammit Lewis bħala l-Ministru responsabbli mill-governanza?

“Ma nistgħux nibqgħu ngħidu li ma kienx hemm problema,” saħaq il-Minstru.

Waqt li rrifletta fuq l-aħħar snin ta’ Gvern Laburista, jiġifieri mill-2013 ’l hawn, Zammit Lewis insista li sar ħafna tajjeb. Semma l-ekonomija, id-drittijiet ċivili, l-aspett soċjali, il-benefiċċji soċjali u oħrajn.

“Il-legat ta’ Joseph Muscat ma nistgħux ninsewh. Inkunu boloh jew ninsewh. Tant sar ġid u n-nies ħassewh li jkun żball jekk ninsewh. L-akbar sfida ta’ dan il-Gvern huwa li nżommu l-momentum li kien hemm, filwaqt li nagħmlu r-riformi li tkellimna dwaru,” saħaq il-Ministru.

Madanakollu saħaq kif minkejja l-ħafna deċiżjonijiet tajbin, “il-mod kif naħdmuhom u l-mod kif jiżvolġu jkun hemm nuqqas ta’ trasparenza.”

“Ikun hemm perċezzjoni, u ħafna drabi hija perċezzjoni, li dak li sar ma sarx sew. Irridu ninvestu aktar fil-proċessi,” insista Zammit Lewis.

Kien hawn li appella li mhux biżżejjed li d-deċiżjonijiet ikunu tajbin iżda jridu jidhru li qed isiru b’mod tajjeb. “Irridu ngħaġġlu imma mhux b’detriment tal-governanza u t-trasparenza,” qal il-Ministru Saħaq li llum it-tessut soċjali nbidel. Qal li llum hemm l-NGOs u s-soċjeta ċivili li tistenna mill-Gvern it-trasparenza u jrid jaħdem id f’id magħhom.

‘Ir-rieda tajba trid tiġi miż-żewġ naħat...’

Mistoqsi jekk mill-aspett ta’ governenza hux lest jaħdem ma’ NGOs bħal Repubblika, il-Ministru Zammit Lewis saħaq li r-rieda tajba trid tiġi miż-żewġ naħat.

‘Li qed ngħid irrid nagħmlu. Ir-rieda tajba trid tiġi min-naħa tagħhom ukoll. Se noffru l-id tal-ħbiberija u tad-djalogu. Fejn ikollhom raġun, nagħtuhom ir-raġun u nbidluhom. Nistenna l-istess atteġġjament min-naħa tagħhom. Qed ngħid għal kull NGO u entitż. Iridu jinfatmu minn kull partiġġjaniżmu politiku ... jiena qiegħed fil-Gvern għax in-nies għażluna. Ma għażlux lil Delia ... ma għażlux lil Repubblika. Id-deċiżjonijiet se neħduhom aħna imma b’konsultazzjoni u djalogu,” temm jgħid il-Ministru.

More in Politika