Delia b'saħħtu fin-Nofsinhar iżda s-Slimiżi jibqgħu ma jridux jafu bih

Kważi 60% tat-tesserati fl-aktar distrett Nazzjonalist iridu lil Delia jirriżenja

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għandu l-appoġġ ta’ kważi 57% tat-tesserati skont l-aħħar sondaġġ tal-MaltaToday.

Madanakollu, terz tal-membri, jew 34% jemmnu li Delia għandu jirriżenja, bl-aktar kontrih ikunu t-tesserati tal-10 distrett, jiġifieri l-aktar distrett Nazzjonalist, li fost oħrajn jinkludi Tas-Sliema.

Fost il-membri tal-Partit Nazzjonalista Delia jgawdi fiduċja għolja, għall-kuntrarju tal-Grupp Parlamentari.

Is-sondaġġ sar bejn l-Erbgħa 12 ta’ Frar u l-Ġimgħa 14, jiġifieri fi żmien meta Delia ffaċċja talbiet għar-riżenja minn membri tal-Grupp Parlamentari, partikolarment mid-Deputat Jason Azzopardi.

Meta Delia kien elett Kap, jiġifieri f’Settembru tal-2017, huwa kiseb il-vot ta’ 52.7% tat-tesserati. Dan ifisser li rnexxielu jikkonvinċi xi ftit anke jekk mhux xi ħafna.

Mis-sondaġġ jirriżulta wkoll li Adrian Delia għandu l-aktar l-appoġġ tat-tesserati li jgħixu fid-distretti tan-Nofsinhar u inqas fost dawk tan-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.

Aktar minn 70% tal-membri tal-PN fit-tieni, ir-raba’, il-ħames u s-sitt disretti elettorali jemmnu li Delia għandu jibqa’.

Ta’ min isemmi li minn dawn id-distretti jitilgħu d-Deputati li Delia dejjem sab warajh, jiġifieri Stephen Spiteri, Carm Mifsud Bonnici, Hermann Schiavone u Clyde Puli.

Interessanti li mir-raba’ distrett jitla’ wkoll Jason Azzopardi, l-aktar Deputat voċiferu kontra Delia.

F’Għawdex, id-distrett ta’ Chris Said, 56.2% tat-tesserati jemmnu li Delia ma għandux jirriżenja.

L-akbar problemi li għandu Delia huwa f’dawk id-distretti li huma tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment id-disa’ u t-tnax-il distrett.

Fl-għaxar distrett, li jinkludi Tas-Sliema u San Ġiljan, 55.9% tal-membri jridu lil Delia jirriżenja.

Dan huwa l-uniku distrett fejn il-maġġoranza tat-tesserati ma jridux lil Adrian Delia.

More in Politika