Tidħol il-coronavirus f'Malta ... erba' minn nies fi kwarantina u tifla pożittiva għall-Covid-19
Tifla ta' 12-il sena tinstab b'sintomi b'saħħithom tal-Coronavirus
minn Albert Gauci Cunningham
Malta għandha l-ewwel każ tal-Coronavirus hekk kif tifla ta' 12-il sena nstab li fil-fatt kellha sintomi ta' dan il-virus li bħalissa qed jinfirex mad-dinja kollha.
It-tifla kienet qiegħda Ruma mal-ġenituri fl-aħħar ġimgħat fuq vaganza. Sors fid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qal lis-sit Maltatoday li t-tifla tpoġġiet taħt kwarantina u sussegwentement bdiet turi sintomi b'saħħithom tal-virus. Hi għadha qed tinżamm id-dar tagħha fejn qed tingħata l-kura li għandha bżonn.
Importanti wieħed jieħu nota tal-fatt li t-tifla qatt ma marret skola - u malli waslet mill-Italja l-familja tpoġġiet fi kwarantina.
Il-Coronavirus taf il-bidu tagħha f'suq f'Wuhan fiċ-Ċina, fejn jinbigħu ħafna annimali ħajjin u mejtin. Minn hekk infirxet għalkemm l-akbar inċidenza baqgħet fiċ-Ċina.
Minkejja li dawn mhuma affarijiet xejn sbieħ sa ċertu punt kienet mistennija li tidħol Malta, hekk kif l-Italja hija waħda mill-aktar pajjiżi li fih hemm każi lil hinn mill-Ażja. Il-virus fl-aħħar jiem inxtered ukoll fil-pajjiżi fl-Afrika, primarjament l-Alġerija u t-Tuneżija.
Il-Ministru Fearne jikkonferma ...
F'konferenza fil-Ministeru tas-Saħħa l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kkonferma dan il-każ u qal illi hemm erba' persuni fi kwarantina - li huma t-tifla u l-familja tagħha - kif ukoll hemm persuna oħra fi kwarantina li għalkemm ittestjat fin-negattiv tpoġġiet f'iżolazzjoni minħabba li kellha kuntatt.
Il-Ministru fakkar illi saru mijiet ta' testijiet li kollha rriżultaw fin-negattiv.
Fakkar ukoll illi f'Mater Dei hemm 18-il sodda u l-Isptar Boffa ppreparat għal kull eventwalità.
Għalissa l-Isptar Boffa mhux qed jintuża għall-pazjenti tal-Coronavirus, għaldaqstant min għandu appuntamenti jista' jattendi għalihom xorta waħda.
X'inhi eżatt il-Coronavirus?
Il-Coronavirus. Kelma illi sa ftit żmien ilu forsi ftit kienu semgħu biha imma li f’daqqa waħda tinsab fuq fomm kulħadd.
Għalhekk din il-gazzetta se terġa’ tħares lejn l-aktar punti saljenti u kruċjali dwar dan il-virus. X’inhu? Minn fejn beda? Kif jista’ jaqbdek? U kif tista’ tipprevjeni milli jaqbdek? Qed neseġeraw?
X’inhu l-Coronavirus?
Dan huwa virus li ġej mill-annimali u hemm diversi tipi tiegħu. Uħud minhom jistgħu jittieħdu mill-umani, bħal pereżempju l-Middle Eastern Respiratory Syndrome Coronavirus (MERS) li oriġinat mill-ġmula kif ukoll is-Severe Acute Respiratory Sydrome (SARS), li oriġinat minn tip ta’ qtates.
Dak ta’ issa huwa msejjaħ Severe Acute Respiratory Syndrome Coronavirus u l-mard relatat miegħu COVID-19.
Minn fejn beda dan il-virus?
Fil-bidu dan il-virus beda f’Wuhan iċ-Ċina f’suq f’Huanan. Fil-fatt, sal-lum, l-akbar numru - iktar minn 75% - ta’ persuni infettati għadhom dawk fiċ-Ċina.
Kif tinduna li jista’ jkollok dan il-virus imma mhux fi stadju gravi?
Minn dak li ħareġ sa issa jidher illi s-sintomi huma: deni, sogħla, diffikultà biex tieħu nifs, uġigħ fil-muskoli u għejja.
Kif tinduna li jista’ jkollok dan il-virus imma fi stadju gravi?
Fi stadju gravi jista’ jkollok il-pnewmonja – jew infezzjoni li taffetwa l-pulmun, problemi akuti respiratorji jew xokkijiet li jwasslu għall-mewt.
Min hu l-aktar f’riskju?
L-aktar li huma f’riskju huma żewġ gruppi ta’ nies: l-anzjani u dawk li għandhom kundizzjonijiet, fosthom problemi tal-qalb, dijabete, problemi respiratorji u problemi fil-kliewi.
X’għandek tagħmel biex tevita?
- Evita kuntatt ma’ nies morda speċjalment b’sogħla
- Evita li tmur f’postijiet fejn huma maqtula annimali (biċċeriji...)
- Aħsel idejk kemm jista’ jkun b’mod frekwenti
- Segwi r-regoli tal-iġene fl-ikel
- Evita kuntatt dirett mal-annimali u l-ħmieġ tagħhom
Għandi għalfejn nilbes maskla?
Jekk m’għandekx il-virus m’għandekx għalfejn. Il-maskla għandha tintuża biss minn xi ħadd li għandu l-virus.
Kif jidħol il-virus fik?
Mill-ħalq, imnieħer u għajnejn
Kemm ġew affetwati nies sal-ġimgħa l-oħra?
Sal-bidu tal-ġimgħa, il-marda infettat 80,000 persuna globalment. Fiċ-Ċina dan il-virus qatel 2,663 persuna minn fost 77,658 każ. Dan ifisser ili sa issa fiċ-Ċina din il-marda qatlet 3.4% ta’ dawk infettati.
Huwa mifhum li l-marda nxterdet f’mill-inqas 30 pajjiż ieħor partikolarment il-Ġappun (850 każ – inkluż 691 minn cruiseliner – 4 mejta), l-Italja (229 każ – 7 mejta), Korea ta’ Isfel (893 każ – 8 mejta) kif ukoll ikkawżat imwiet f’Hong Kong, it-Tajwan, l-Iran, Franza u l-Filippini.
Imma din bħall-influwenza komuni jew le?
Le. Minkejja li r-rata ta’ mwiet hija ftit biss inqas (1% - il-Coronavirus għandha rata ta’ 2%) sa issa għad m’hemmx mediċina apposta kontra dan il-virus.
Dan huwa virus ġdid u allura ftit li xejn huwa magħruf dwaru u x-xejriet li se jieħu.
Għandi vaganza fl-Ażja. X’nagħmel?
Skont fejn. Naturalment l-aktar attenzjoni u l-aktar li għandek tevita hija ċ-Ċina b’mod speċjali fiż-żona milquta.
Però sal-ħin li ntikteb l-artiklu l-Organizazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) kienet għadha ma ħarġitx ordni kontra l-ivvjaġġar f’ċerti pajjiżi.
Jekk se mmur iċ-Ċina x’għandi nevita?
Jekk bilfors trid tmur evita l-istess affarijiet li diġà għidna li għandek tevita. Attenzjoni speċjali għandha tingħata lil postijiet bħal swieq fejn ikun hemm il-bejgħ ta’ annimali, ħajjin jew mejtin.
X’jiġri fl-ajruport jekk tkun ġej miċ-Ċina jew xi pajjiżi oħrajn?
Jista’ jkun li tkun mitlub tagħmel 14-il jum fi kwarantina skont stqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa.
U jekk għadni ġej miċ-Ċina jew postijiet milquta ħafna x’għandi nagħmel?
- Fittex l-għajnuna medika b’mod immedjat
- Evita kuntatt ma’ persuni oħrajn
- Kun żgur li ma tivvjaġġax meta tkun marid
- Aħsel idejk b’mod frekwenti
- Ilbes maskla
Din agħar mill-MERS u s-SARS?
Iva f’termini ta’ nies infettati, imma le f’termini ta’ rata ta’ mwiet.
Fl-2002 is-SARS infirxet f’madwar 37 pajjiż u nfettat 8,000 persuna. Minn dawn 750 persuna tilfet ħajjitha.
Il-MERS infettat inqas nies – 2,500 persuna – imma minn dawn qatlet 35%, li huwa persentaġġ ħafna u ħafna ogħla minn dak tas-SARS u l-COVID-2019.
U jekk nixtri ikel miċ-Ċina?
L-ikel impurtat miċ-Ċina huwa biss dak li huwa approvat skont esiġenzi stretti Ewropej. Huwa għal din ir-raġuni li persuni ma jistgħux idaħħlu ikel bħal laħmijiet u ħalib fl-UE, minn pajjiżi bħaċ-Ċina.
Ma kien hemm ebda rapporti ta’ trażmissjoni ta’ mard mill-ikel għall-bniedem.
X’għandna nagħmlu d-dar biex ma jinfirixx għall-membri oħrajn tal-familja?
Idealment persuna infettata ma tkunx fl-istess żona ristretta ta’ oħrajn li mhumiex.
Imma hu tajjeb ukoll li jsir tindif frekwenti ta’ wċuħ u oġġetti bħal telefons, tablets, pumi tal-bibien bl-ilma u detergents skont l-istruzzjonijiet ta’ min imanifattura u kemm jista’ jkun ma jiġux imxerrda oġġetti bħal tazzi, frieket, xugamani u lożor.
Għaliex qed tissejjaħ l-‘Marda X’ il-Coronavirus?
Qed jingħad li l-Coronavirus qed issir dejjem iktar qrib li tissejjaħ ‘Disease X’. Imma dan xi jfisser?
Anthony Fauci, Direttur tal-Istitut Nazzjonali tal-Allerġiji u Mard tal-Istati Uniti jispjega li din hija marda li ma kinitx antiċipata, mas-CNN. “Hekk kif ma konniex qed nantiċipaw il-Virus Zika. ‘X’ tfisser, mhux mistenni.”
Jiġifieri għad m’hemmx tama li n-nies ifiequ?
Le hemm. Mediċina anti-virus ta’ Gilead Sciences – Remdesivir – tista’ tkun l-aħjar tip ta’ trattament bħalissa, jgħid uffiċjal tal-WHO.
Remdesivir hija droga esperimentali żviluppata biex tiġġieled l-Ebola, virus ieħor meqjus bħala ‘Disease X’.
Fil-fatt il-WHO qed tistenna li jkollha konklużjonijiet fi ftit ġimgħat.
F’konferenza f’Beijing, l-Assistent Direttur tal-WHO Bruce Aylard qal illi hemm droga waħda biss li bħalissa jista’ jkollha effett u riżultat u din hija r-remdesivir.
*din l-informazzjoni qed tinġieb minn dokument tal-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa