Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qed isostni li fid-dawl tat-tixrid tal-coronavirus f'pajjiżna, l-iskejjel għandhom ikunu magħluqa kollha "mingħajr aktar dewmien għall-ġid tal-istudenti u għall-ġid ta' pajjiżna. Għandha tittieħed azzjoni qabel ikun tard wisq."
"In-nuqqas ta' azzjoni li tittieħdet fl-iskejjel fl-aħħar ġimgħat, inkluż kif qalu l-MUT nuqqas ta' pjan imqar għal sanitizer f'kull klassi, qed twassal għal thassib serju fost il-ġenituri," qal il-PN li sostna illi kull ġurnata li tgħaddi inqas ġenituri qed jibgħatu t-tfal tagħhom l-iskola.
Il-PN qal li jekk ma titteħidx azzjoni jista' jagħti l-lok li jinxtered il-virus "b'kaġun li eluf ta' student u l-familji tagħhom jispiċċaw ma jifilħux."