Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-kwarantina obbligatorja se tkun estiża għal dawk kollha li jidħlu fil-pajjiż, ġej minn fejn ġej u mhux biss mil-pajjiżi mħabbra fl-aħħar jiem.
Dan ifisser li kull min se jidħol f'Malta llum, Maltin jew barranin, iridu jagħmlu 14-il ġurnata d-dar u min jinqabad jikser din ir-regola, se jeħel multa ta' €1,000.
Il-Prim Ministru qal ukoll li barranin li jgħixu Malta u li għandhom il-permess tax-xogħol, jekk jinqabdu ma josservawx il-kwarantina obbligatorja, apparti l-multa, se jkollhom il-permess tax-xogħol revokat u jiġu ddeportati mill-pajjiż.
Intant, il-Prim Ministru insista li s-sitwazzjoni fil-pajjiż tinsab taħt kontroll u ma hemm l-ebda lok għall-allarm. Prova ta' dan hija l-fatt li waħda min-nisa pazjenti issa tinsab fi triqitha lejn il-fejqan u llum se tkun irilaxxata mill-isptar. Il-ħdax-il pazjent l-ieħor jinsabu f'kundizzjoni ta' saħħa tajba.
Huwa appella għar-responsabbilità u insista li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll għal il-poplu qed jikkoperaw.
Ħabbar ukoll li mil-lejla, se jkun qed isir screening fiċ-Ċirkewwa għal kull persuna li tirkeb il-vapur ta' Għawdex.
Servizzi mediċi onlajn miċ-Ċentri tas-Saħħa
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li biex jitnaqqsu n-nies miċ-Ċentri tas-Saħħa, ċertu servizzi u konsultazzjoni medika, se tkun qed issir b'mod onlajn.
Qal li din is-sistema qed titħejja u se tkun qed titħabbar fil-jiem li ġejjin.
Fi kliemu, dawk il-pazjenti li jistgħu jirċievu s-servizzi onlajn se jkunu informati wieħed wieħed.
Aqra wkoll: