Kmieni dalgħodu, l-anzjani residenti fid-dar tal-anzjani tal-Gvern fl-Imsida ttieħdu fi djar oħra hekk kif l-istess dar qed tkun ippreparata għall-eventwalità li jkun hemm bżonn tintuża biex fiha jiġu rrekoverati pazjenti anzjani li jkollhom il-coronavirus u li huma residenti fi djar oħra tal-Gvern, jew inkella f'sodod mixtrija mill-Gvern fi djar privati.
Dan kien ikkonfermat mas-sit illum.com.mt mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis, li spjega li għalkemm ma kinitx deċiżjoni faċli, il-Gvern irid jipprepara għal kull eventwalità. Dan is-sit jinsab infurmat li meta saru jafu b'din id-deċiżjoni, diversi qraba marru fid-dar tal-anzjani iżda ma tħallewx jidħlu.
"J'Alla ma jkunx hemm bżonn li jintużaw, iżda rridu nkunu lesti għal kull eventwalità," insista Parnis.
Huwa spjega mal-ILLUM kif il-Gvern xtara aktar sodod fi djar tal-anzjani mmexxija mill-Privat biex l-anzjani residenti fl-Imsida Home setgħu jinħarġu u jittieħdu f'residenzi oħra adegwati għalihom.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li qed tkun ippreparata sala oħra fir-residenza San Vincenz de Paule biex tkun tista' tintuża għall-istess għan.
Parnis qal li l-ewwel pjan kien li l-Gvern jipprepara kamra f'kull dar tal-anzjani, iżda wara ttieħdet id-deċiżjoni li biex tingħata prijorità lis-saħħa tal-anzjani l-oħra residenti, ikun hemm post wieħed fejn l-anzjani li jistgħu jkunu infettati bil-virus, jiġu rikoverati u jirċievu l-kura adegwata.
Dan ifisser li l-Imsida Home, jekk ikun hemm bżonn, se tkun qed tintuża biss biex fiha jkunu rekoverati anzjani pazjenti u li bħalissa huma residenti fi djar tal-Gvern jew inkella f'sodod li l-Gvern għandu fi djar privati.
Fl-aħħar jiem, il-Gvern ħa diversi miżuri biex jipproteġi lill-anzjani. Il-miżuri huma dawk:
- L-anzjani fuq il-lista tal-POYC (meta jkun imisshom) se jingħataw stokk ta’ xahrejn mediċina li huma eliġibbli għaliha
- Iż-żjajar fid-djar tal-anzjani jkunu sospiżi sakemm jingħata avviż ieħor
- Jingħalqu ċ-ċentri ta’ matul il-jum kollha
L-anzjani huma l-aktar vulnerabbli u għalhekk l-appell huwa biex it-tfal ma jżurux in-nanniet tagħhom.