Miżuri Covid-19 | 'Tajjeb, imma mhux se jżommu lill-pajjiż fil-wiċċ' - MEA

Min iħaddem jgħid li l-miżuri tal-Gvern mhumiex biżżejjed biex ikunu salvati l-impjiegi

Fir-reazzjoni tagħha għal miżuri mħabbrin ilbieraħ mill-Gvern l-Assoċjazzjoni ta' min Iħaddem (MEA) qalet illi dawn huma pass fid-direzzjoni t-tajba imma mhux biżżejjed biex il-vapur jinżamm fil-wiċċ.  L-MEA qalet illi l-kontenut huwa differenti mit-tikketta u qalet illi filwaqt li l-ammont ta' €1.8 biljun jista' jimpressjona minn punt ta' relazzjonijiet pubbliċi, "il-kontenut tal-pakkett huwa differenti mit-tikketta u se jiswa' lill-Gvern ħafna inqas milli ntqal." 

Filwaqt li l-MEA ammettiet illi huwa vera li hemm miżuri li se jindirizzaw t-toqol u t-tbatija, "mhuwiex biżżejjed biex il-vapur jibqa' fil-wiċċ  u l-inċentivi f'ħafna każi mhumiex se jkunu biżżejjed biex ma jitkeċċewx in-nies minn ħafna kumpaniji."

L-MEA qalet illi d-diferiment mhijiex il-kanċellazzjoni tal-VAT u l-bolla. "L-impetu messu kien għal sussidji biex jitħallsu l-pagi, aktar milli likwidità.  Din kienet tkun iktar effettiva biex ikunu salvagwardjati l-impjiegi." 

L-MEA tgħid li jistgħu jidħlu miżuri bħal rifużjoni sħiħa tal-pagi u taħriġ.

Fuq il-leave tal-kwarantina l-MEA qalet illi minkejja li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li l-Gvern se jħallas €350 għal kull impjegat qalet ukoll li dan mhuwiex biżżejjed u li bħala prinċipju l-MEA tibqa' kontra l-impożizzjoni tal-leave fuq min iħaddem.  "Il-leave tal-kwarantina huwa servizz soċjali mħallas mit-taxxi, mhux minn min iħaddem."

"Aħna se nibgħu nopponu dawn l-emendi minħabba l-kontenut u anke l-mod kif l-avviż legali kien introdott."
 

More in Politika