Fl-ewwel għaxart ijiem, minn meta bdew l-ispezzjonijiet fuq persuni li suppost jinsabu fi kwarantina, saru aktar minn 2,500 spezzjoni.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri saħaq li dan in-numru huwa xhieda tar-rieda tal-awtoritajiet biex f’dan il-mument partikolari kulħadd josserva l-obbligi tiegħu
“Ħarraxna l-multi minn €1,000 għal €3,000 u issa min suppost ikun f’iżolament u ma jkunx, se jkun immultat €10,000. Il-messaġġ ċar ħafna. Mas-saħħa tal-poplu Malti m’għandux ikun hemm riskji”, qal il-Ministru Camilleri.
Mit-total tal-ispezzjonijiet jirriżulta li l-pulizija qed issib koperazzjoni mill-maġġoranza tal-każi. Sal-bieraħ, jirriżulta li ngħataw 25 multa, u tliet multi oħra lill-istabbilimenti.
“Irrid inrodd ħajr lill-awtoritajiet tal-forzi tal-ordni, il-pulizija, il-protezzjoni ċivili u dawk tas-saħħa għall-mod ikkordinat ta’ kif qed jaħdmu flimkien biex jipproteġu l-poplu Malti”, temm jgħid il-Ministru Camilleri.