Jumejn wara li l-gazzetta ILLUM żvelat kif il-Gvern se jkun qed iressaq programm ta' riformi ambizzjużi fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Governanza il-Kummissajriu Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders faħħar lill-Gvern Malti għall-fatt li hu kommess li jibda dawn ir-riformi.
Il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd żvelat kif il-Gvern se jkun qed iħabbar seba' riformi.
L-ewwelnett ir-riforma fl-Iddixxiplinar tal-Ġudikatura, sabiex din - inkluż it-tneħħija ta' ġudikant - titneħħa kompletament minn idejn il-politiku u titpoġġa fir-responsabilità tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
It-tieni riforma hija fil-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja stess.
It-tielet hija riforma ta' kontinwazzjoni fil-proċess ta' separazzjoni bejn il-pulizija u allura l-qafas li jinvestiga u l-Avukat Ġenerali, bħala l-Prosekutur Pubbliku
.Ir-raba' hija riforma li ser issir fl-Uffiċċju tal-Ombudsman
Il-ħames riforma hija dik li ser issir fil-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni
Is-sitt riforma hija f'ħatriet ġenerali li sal-lum għadhom responsabilità tal-Prim Ministru waħdu, bħal per eżempju ħatriet f'entitajiet. Dawn il-ħatriet issa se jsiru responsabilità tal-Kabinett kollu.
U fl-aħħarnett, is-seba' riforma, hija dik li permezz tagħha ċerti deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Avukat Ġenerali bħala Prosekutur Pubbliku, se jibdew jaqgħu ukoll taħt l-iskrutinju tal-Qorti.