Persuna waħda nqabdet tikser l-ordni biex tagħmel kwarantina obbligatorja u għalhekk ingħatat multa ta’ €3,000.
Minn meta bdew isiru l-ispezzjonijiet, saru aktar minn għaxart elef spezzjoni fuq dawk il-persuni li suppost kienu qed isegwu l-kwarantina obbligatorja.
Apparti dawn, erba’ persuni ġew immultati €100 wara li nstabu fi gruppi ta’ aktar minn 3 persuni.
Żewġ snack bars, wieħed fiż-Żejtun u l-ieħor f’Ħal Għaxaq ukoll inqabdu miftuħa jaqdu lill-klijenti bi ksur tar-regolamenti biex irażżnu l-imxija tal-Covid-19.
Is-sidien ġew immultati €3,000 kull wieħed. Fl-aħħar 24 siegħa saru aktar minn 880 spezzjoni fuq stabbilimenti tal-ikel u x-xorb fil-Gżejjer Maltin biex b’kollox, mindu daħlu fis-seħħ ir-regolamenti, twettqu aktar minn 18,400 spezzjoni.
Wieħed jista’ jirrapporta abbużi fuq in-numru 2169 2447.