Il-ħaddiema rappreżentati mill-GWU fl-Air Malta Aviation Services u l-linja Nazzjonali Air Malta il-bierah vvutaw favur ftehim biex jieħdu paga soċjali ta’ mhux anqas minn €1,200 fix-xahar. Il-ftehim huwa għall-erba’ ġimgħat u jista’ jerġa’ jiġi mġedded.
Il-ħaddiema tal-Air Malta li huma, l-amministrazzjoni, is-sezzjoni kummerċjali u s-sezzjoni tal-operations u l-haddiema tekniċi approvaw l-ftehim b’vot ta’ 100% favur filwaqt li l-haddiema tal-AirMalta Aviation Services Ltd li huma ground handling, cargo, general maintenance u taċ-check in desk approvaw il-ftehim b’ 95% favur.
Fi stqarrija l-GWU qalet illi l-haddiema kollha urew maturità u għarfien tas-sitwazzjoni ħażina ħafna li laqtet lid-dinja kollha inkluż Malta. "Fost l-industrija l-aktar milquta hija l-industrija tal-avjazzjoni. Fil-fatt minn 20 titjira kuljum l-Air Malta qed tagħmel żewġ titjiriet biss," tfakkar il-unjin.
Dan il-vot jittieħed biss ftit wara li kompliet tiħrax il-kontroversja bejn il-linja nazzjonali tal-ajru u l-piloti, li mhumiex jaċċettaw tnaqqis daqstant drastiku u jirċievu €1,200 fix-xahar huma wkoll.
Kaptan mal-Air Malta bħalissa għandu paga ta' €140,000 fis-sena filwaqt li pilota għandu €80,000 fis-sena.