Il-bdoti tal-linja nazzjonali tal-ajru fetħu protest ġudizzjarju bil-għan li jwaqqfu lill-Air Malta milli twaqqaf l-impjiegi tagħhom.
Il-protest ġudizzjarju tressaq illum mill-Unjin li tirrappreżenta lill-bdoti, l-ALPA, u li permezz tiegħu qed iżomm lill-kumpanija responsabbli minn kwalunke telf li l-membri tagħha jistgħu jsofru.
L-ALPA qed takkuża wkoll lill-Air Malta li falliet milli tiddjaloga magħha dwar it-tnaqqis fil-pagi tal-bdoti bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tnaqqas l-ispejjeż f’dan iż-żmien meta t-titjiriet kollha, ħlief għal xi wħud, jinsabu wieqfa.
Akkużat ukoll lil-linja tal-ajru li qed tfalli milli tonora l-obbligi legali tagħha fil-mod kif dawn il-miżuri tħabbru.
L-ALPA qalet li tinsab infurmata li l-Air Malta riedet tittermina l-impjieg ta’ 108 bdot u żżomm biss 26, liema tmiem tal-impjieg kellu jidħol fis-seħħ għada.
Il-Linja tal-Ajru u anke l-Unjin jinsabu maqbuda f’battibekk bejniethom wara li l-bdoti rrifjutaw li jaċċettaw paga ta’ €1,200 fix-xahar bħala parti mill-pjan tal-Air Malta biex tnaqqas l-ispejjeż.
Kaptan tal-Air Malta jaqla' €140,000 fis-sena filwaqt li l-bdoti jaqilgħu €80,000.
Il-protest ġudizzjajru, kontra l-Air Malta u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, li huwa responsabbli mil-linja tal-ajru, kien iffirmat mill-Avukat Andre Portelli.
Aqra wkoll:
'M'intomx speċjali' - L-Air Malta lill-piloti hekk kif dawn ma jaċċettawx tnaqqis drastiku fil-paga