'Jekk nibqgħu nikkoperaw nistgħu nikkontrollaw ukoll it-tieni mewġa' - Charmaine Gauci

Charmaine Gauci insistiet li sakemm għad hawn il-virus irridu nibqgħu nirrispettaw is-social distancing u jkunu protetti l-persuni vulnerabbli

Waqt il-bulletin mediku ta' kuljum dwar il-COVID-19, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika saħqet li ħadd mhu jistenna li l-vaċċin kontra l-virus ikun lest fil-viċin, anke għax irid ikun assigurat li dan ikun sigur u anke effettiv.

Mistoqsija kemm din is-sitwazzjoni tista' ttul, biex is-sitwazzjoni tibda tirritorna għan-normal, Charmaine Gauci insistiet li sakemm ikun hawn il-virus, iridu jibqgħu jiġu segwiti u r-rispettati l-appelli dwar is-social distancing u jkunu protetti l-persuni vulnerabbli.

"Dawn huma l-bażi ta' kollox," saħqet il-Professur.

Gauci saħqet li anke jekk vaċċin ma hawnx, wieħed jista' dejjem idaħħal miżuri biex l-impatt tal-virus jitnaqqas kemm jista' jkun, waqt li fakkret f'dak li ġara f'Malta u anke f'pajjiżi oħra fejn il-virus inżamm taħt kontroll.

"Aħna rridu dejjem innaqsu kemm jista' jkun u nżommu r-rata tat-trasmissjoni baxxa," saħqet Gauci. "Għax kellna l-koperazzjoni mill-pubbliku rnexxielna nikkontrollaw is-sitwazzjoni. Nibqgħu miexja pass pass flimkien u meta tiġi t-tieni mewġa nkunu nistgħu nikkontrollawha wkoll."

More in Politika