Analiżi | Is-sors ta’ diskors ta’ mibegħda - X'tgħid ir-riċerka?
Razza waħda jew ħafna razzez? Huwa dan l-għerq ta' sekli ta' mibgħeda u miljuni mgħakksa jew maqtula. Ir-Riċerkatur fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u Counsellor Catherine Smith tanalizza għaliex maż-żmien ħloqna l-kunċett ta' razzez
minn Catherine Smith
Bħala Riċerkatur fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u anke bħala Counsellor nirrifletti ħafna fuq dak li jkun għaddej minnu pajjiżi, speċjalment dak li jkun qiegħed jifridna u jweġġana bħala poplu. Il-kwistjoni taħraq tal-immigrazzjoni u l-immigranti, speċjalment tal-immigranti irregolari li jaslu fuq xtutna bid-dgħajjes, mhijiex kwistjoni ġdida għall-poplu Malti. Anzi, hija waħda li ilna nħabbtu wiċċna magħha u niġġieldu bejnietna, kif ukoll ma’ pajjiżi oħra fuqha għal aktar minn għaxar snin. Madankollu, ir-riflessjoni u l-artiklu tal-lum imorru lil hinn mill-kwistjoni friska ta’ jekk għandna jew m’għandniex indaħħlu l-immigranti f’pajjiżna waqt din il-kriżi li ninsabu fiha bħalissa minħabba l-coronavirus jew il-COVID-19. L-għan ewlieni ta’ dan l-artiklu hu li nindirizza l-biża’ u l-ansjetà li nara riflessi fid-diskors ta’ mibegħda, jew kif insejħulu bl-Ingliż, hate speech, li jinkiteb b’reazzjoni għal artikli li b’xi mod jindirizzaw din il-kwistjoni. Messaġġi li l-għan tagħhom hu li jserrħu lil min ikun kitibhom, imma f’istess ħin ikasbru kemm l-immigranti, speċjalment dawk ta’ ġilda skura, kif ukoll lil dawk li jazzardaw jiddefenduhom. Imma qabel nagħmel dan, biex nibni bażi soda għall-għan ewlieni ta’ dan l-artiklu, ser nibda billi nagħti tagħrif infurmat mir-riċerka fuq kunċetti bħal razza u razziżmu, kif ukoll temi oħra marbuta ma’ dawn il-kunċetti, bħal għaliex nidhru daqshekk differenti minn xulxin u x’jiġri f’soċjetà stratifikata skont ir-razzez.
X’tgħid ir-riċerka: Razza jew razzez?
Ħafna nies jemmnu li fid-dinja jeżistu razzez ta’ nies differenti, u li dawn ir-razzez għandhom differenzi bijoloġiċi kbar bejniethom. F’Malta, l-iktar li jissemmew huma r-razza li nsibuha bħala tan-nies bojod, ir-razza li nsibuha bħala tan-nies suwed, u r-razza li tinkludi n-nies li joriġinaw mix-xaqliba Ażjatika. Madankollu, tajjeb li wieħed ikun jaf li t-twemmin f’eżistenza ta’ razzez differenti huwa żbaljat. Ir-riċerka tgħid li fid-dinja teżisti razza waħda biss, u din hija r-razza umana. Dan turih biċ-ċar ix-xjenza, speċjalment riċerka li toħroġ mil-kamp tal-ġenetika (e.ż. DNA). Din ir-riċerka internazzjonali, li issa ilha għaddejja ftit għexieren ta’ snin, tinfurmana li hemm iktar differenzi bejn Malti u ieħor milli bejn Malti u xi ħadd li aħna l-Maltin nikkategorizzawh bħala ta’ razza oħra. Tinfurmana wkoll li l-bniedem għandu ġenetika iktar omoġenja milli għandhom annimali oħra li fid-dehra tagħhom jidhru iktar omoġenji mill-bniedem (e.z., chimpanzee) u li l-ġenetika tal-bnedmin kollha tal-lum oriġinat mill-Afrika. Għalhekk fis-sena 2000, waqt li qed jippreżenta r-riżultati tar-riċerka tiegħu fil-White House, Craig Venter, pijunier fil-kamp tas-sekwenza tal-ġenetika (DNA sequencing) qal li l-kunċett tar-razza m’għandu l-ebda bażi ġenetika jew xjentifika. Għalhekk il-kunċett tar-razza huwa kostruzzjoni soċjali.
Għaliex, barra li huwa xjentifikament żbaljat, it-twemmin fir-razzez differenti huwa wkoll perikoluż?
Meta wieħed iħaddan il-kunċett ta’ razzez differenti, ifisser li mhux biss ikun qiegħed iħaddan preġudizzji dwar id-differenzi fid-dehra tal-bnedmin, imma wkoll jiftaħ il-bieb beraħ għal ideoloġija perikoluża, li tissejjaħ riduttiva u essenzjalista, li tallega li l-abbiltajiet u l-imġieba tan-nies f’razzez differenti huma distinti, omoġenji u fissi. Biex nagħti eżempju, meta wieħed jemmen li l-bojod kollha huma intelliġenti, ċivilizzati u attraenti; li s-suwed kollha huma l-aqwa fl-isports, fiż-żfin u fil-kant; waqt li l-Ażjatiċi huma l-aħjar fil-ġinnastika, l-arti marzjali u biex jivvintaw aġġeġġi elettroniċi. Dan it-twemmin riduttiv huwa perikoluż għax iwassal għall-konklużjoni żbaljata li kull razza, jew biex inkun xjentifikament korretta, soċjorazza, għandha valur uman differenti. Għalhekk jistabbilixxi ukoll bażi għal ideat razzisti. Fuq l-abbiltajiet u l-imġieba tal-bniedem, ir-riċerka tgħid li l-ambjent li fih jitrabba bniedem, inklużi r-riżorsi disponibbli u l-kultura tal-post u l-familja, huwa importanti għall-iżvilupp tiegħu daqs il-ġenetika li jkun wiret.
Għaliex nidhru daqshekk differenti?
Ir-riċerka tgħid li d-differenza fid-dehra hija r-riżultat dirett tal-adattament naturali li l-bniedem għadda minnu sabiex ikun jista’ jgħix f’postijiet ’il bogħod mill-post oriġinali tiegħu ġol-Afrika. Filfatt, iktar ma titla’ lejn it-tramuntana tad-dinja, iktar issib nies li għandhom dehra li ngħidulha bjonda, u li l-kulur tal-ġilda u xi karatteristiċi fiżiċi oħra jikkuntrastjaw l-iktar meta mqabbla ma’ dawk ta’ nies li jgħixu fl-Afrika. Madankollu, ir-riċerka tgħid ukoll li kemm il-migrazzjoni lejn artijiet oħra kif ukoll il-bidla fid-dehra tal-bnedmin ma seħħitx mil-lum għall-għada, iżda ħadet miljuni ta’ snin u ġrat gradwalment. Barra minn hekk, l-karatteristiċi fiżiċi mhux bilfors jintirtu kollha minn ġenerazzjoni għal oħra. Fil-verità, jintirtu biss dawk il-karatteristiċi fiżiċi li wieħed għandu bżonn biex jadatta aħjar għaċ-ċirkostanzi li jgħix fihom.
Għaliex inħass il-bżonn li jinħoloq il-kunċett ta’ razzez differenti b’valur uman differenti?
Hawnhekk, tajjeb li wieħed iqis kemm minn fejn oriġina l-kunċett tar-razza, kif ukoll ir-raġuni għaliex ġie assorbit daqshekk malajr mill-politiċi u s-soċjetajiet ta’ żminijiet varji. Tajjeb ukoll ngħidu li dawn ir-riċerkaturi tal-passat ma kinux indipendenti fi ħsiebhom u xogħolhom, imma kienu jaħdmu f’entitajiet imwaqqfa u ffinanzjati minn organizzazzjonijiet privati, kif ukoll mill-istat. Ukoll, tajjeb li wieħed ikun jaf li l-opinjoni tal-massa ma kinitx meqjusa fi żmien imgħoddi kif inhi llum. Filfatt, l-opinjoni tas-sinjur biss kienet tgħodd għax hu biss kellu l-qawwa li jivvota u jagħmel il-liġi kif jaqbel lilu.
L-ideoloġija li jeżistu razzez differenti oriġinat l-ewwel fl-Ewropa fis-seklu tmintax, waqt l-era ta’ esplorazzjoni u espanzjoni ġo artijiet ġodda. Il-kunċett ingħoġob u malajr sar popolari, kemm fl-Ingilterra, li f’dak iż-żmien kellha l-akbar flotta ta’ vapuri kummerċjali u tal-gwerra fid-dinja, kif ukoll fl-Amerika, li f’dik il-ħabta kienet għadha kolonja tal-Ingilterra, bħal ma darba kienet ukoll Malta. Ir-raġuni ewlenija kienet li din l-ideoloġija ta’ razzez differenti b’valur uman klassifikat daħlet kexxun mal-politika tal-mument, u setgħet tintuża biex tiġġustifika l-prattiċi tal-imperjaliżmu, l-kolonjaliżmu, l-iskjavitù u l-istratifikazzjoni soċjali. Prattiċi li damu mijiet ta’ snin u li barra li faqqru ħafna pajjiżi Afrikani u Ażjatiċi mir-riżorsi naturali tagħhom, inkluż ir-riżorsi umana, ġabu magħhom ħafna mibegħda u firda bejn il-ġnus tad-dinja, kif ukoll uġiegħ psikoloġiku li għadna nħossuħ sal-ġurnata tal-lum. Wieħed jista’ ukoll jargumenta li għalkemm il-barrani żarma u telaq lejn pajjiżu, ħafna eks-kolonji għadhom maħkuma, kemm psikoloġikament kif ukoll ekonomikament, u għadhom joperaw minn istituzzjonijiet imwaqqfa fuq kunċetti kolonjalisti.
Ma ninsewx ukoll li fis-seklu dsatax, l-istess kunċett razzist ġie imħaddan, estiż u użat bla ħniena minn Nażi fit-Tieni Gwerra Dinjija, li seħħet bejn l-1939 u l-1945. Fi żmien relattivament qasir, in-Nażi esperimentaw fuq u qatlu aktar minn sitt miljun persuna fil-kampijiet tar-‘riċerka’ u mewt li ħolqu apposta biex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Il-vittmi kienu nies ta’ nisel Lhudi, kif ukoll minn gruppi oħra, fosthom nies ta’ dixxendenza Maltija u mill-Afrika ta’ Fuq, li n-Nażi dehrilhom li ma kinux ta’ nisel pur u denju biex jgħixu fosthom. Madankollu, għadna ma tgħallimniex biżżejjed minn dawn l-inġustizzji kollha għax il-kunċett ta’ razzez differenti b’valur uman inugwali għadu magħna sal-lum. Dan għalkemm ir-riċerka turina biċ-ċar li din l-ideoloġija hija bla bażi u li hi infurmata biss mill-illużjoni tal-perċezzjoni. Ukoll, li twassal biss għar-razziżmu li jservi biss biex joħnoq u jaħsad il-ħajjiet abbażi ta’ dehra differenti.
X’tgħid ir-riċerka: Kemm hawn tipi ta’ razziżmu?
Ir-razziżmu jista’ jiġi espress fuq livelli individwali kif ukoll istituzzjonali. Razziżmu avversiv huwa tip ta’ razziżmu fuq livell individwali u inkonxju. Minn naħa l-oħra, min jesprimi razziżmu ta’ kuljum huwa kemm iktar konxu minn għemilu, kif ukoll mil-ideat li jħaddan. Razziżmu kulturali huwa t-twemmin li l-kultura tal-bojod hija n-norma li magħha għandha titkejjel kull kultura oħra, anke tagħna stess, għax hija superjuri fiha nnifisha. Razziżmu ambjentali għandu x’jaqsam ma’ kif inħarsu l-ambjent f’pajjiżi differenti. Razziżmu istituzzjonali jiġi espress fil-politiki, prattiċi u normi ta’ pajjiż, u razziżmu xjentifiku jseħħ meta r-riċerka tiġi użata kontra xi soċjorazza jew soċjorazzez partikolari biex tiġi ppruvata l-inferjorità tagħhom.
X’tgħid ir-riċerka: X’jiġri f’soċjetà stratifikata skont ir-razzez b’valur uman klassifikat, jiġifieri soċjetà razzista?
L-ideoloġija ta’ razzez differenti b’valur inugwali kienet sa mill-bidu maħluqa biex tistrattifika s-soċjetà u taqsamha f’dawk li jmexxu, u li għalhekk kellhom il-poter li jgħidu u jagħmlu li jridu, u l-bqija tan-nies. F’termini konkreti, l-Ewropej qiesu lilhom infushom bħala l-aqwa razza u semmew lilhom infushom ir-razza tal-bojod. Imbagħad, komplew jistratifikaw sakemm fil-qiegħ tal-qiegħa tefgħu r-razza li għoġobhom isejħulha s-sewda. B’hekk ħolqu stratifikazzjoni sħiħa tar-razzez skont kif qabel u għoġob lilhom. Fuq kollox, kellhom bżonn din l-istrateġija soċjali biex timla ukoll bwiethom għax biex jaħdmu l-ettari bla tmiem fil-kontinent Amerikan kellhom bżonn mhux biss ħafna nies, li ma kienx possibbli jġibu minn art twelidhom jew artijiet oħra, imma ukoll nies li jaħdmu b’xejn għax inkella ma setgħux jistagħnew. Ukoll, li jkattru kif jaqbel lilhom ħalli jkunu jistgħu jixtru iktar art u jkabbru n-negozju u l-poter tagħhom, u li kapaċi jaħdmu fis-sħana u jgħinuhom jiddeċimaw l-indiġeni li sabu jxekkluhom. Mingħajr ma nidħol f’ħafna dettall, ir-riċerka tgħidilna ċar u tond li s-soċjorazza li nirreferu għaliha bħala s-sewda ma sabitx ruħha fejn tinsab illum bi proċessi naturali jew għax għandha xi ħaġa inqas minn ħaddieħor. Tinsab fejn hi bi proċessi Ewroċentriċi li ħolqu biss tbatija u uġiegħ psikoloġiku transġenerazzjonali, li lanqas jekk irridu ma nistgħu nimmaġinaw. Ukoll, għax dawn il-proċessi nfirxu mad-dinja kollha u għadhom jeżistu, għalkemm taħt forom differenti, sal-ġurnata tal-lum.
X’tgħid ir-riċerka: Imma l-imperjaliżmu, l-kolonjaliżmu u l-iskjavitù ilhom li spiċċaw!
Ir-riċerka tinfurmana li meta soċjorazza tkun soġġetta għal trattament inġust f’kuntest ta’ soċjetà jew kultura għal tul ta’ żmien, filfatt ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ nies, dan iħalli impatt negattiv u dirett fuq kif imbagħad din is-soċjorazza taddatta l-għejxien u l-imġieba tagħha f’dik is-soċjetà. Ir-riċerka tgħid ukoll li s-soċjorazza li f’idejha jkollha l-poter u t-tmexxija ta’ pajjiż u l-istituzzjonijiet tiegħu, mhux bilfors għandha bżonn ikollha l-akbar għadd ta’ nies. Bħal, per eżempju, fil-każ tal-Afrika t’Isfel. Irrispettivament mill-għadd, is-soċjorazza li jkollha f’idejha l-poter, xorta jirnexxielha żżomm is-soċjorazza l-oħra, kbira kemm hi kbira, lura milli tilħaq il-potenzjal tagħha. U dan tagħmlu billi takkassha u tisfrutta kemm lilha, kif ukoll ir-riżorsi tagħha, għall-avvanz tagħha biss. Filfatt, dak huwa l-għan ewlieni tar-razziżmu: biex il-ftit igawdu bla rażan minn fuq dahar il-bqija.
X’tgħid ir-riċerka: Għaliex għadna nħaddnu l-kunċett ta’ razzez differenti b’valur uman klassifikat jekk nafu li m’għandu l-ebda bażi xjentifika jew ġenetika, huwa kunċett soċjali maħluq biex jistratifika s-soċjetà bl-iktar mod inġust, u għadu jkun il-kaġun ta’ bosta mwiet u ġenoċidji madwar id-dinja?
Ir-riċerka turi li attitudni u mġieba razzista hi frott mekkaniżmu ta’ difiża psikoloġika ġġenerata minn emozzjonijiet ta’ insikurezza li jqanqlu l-biża’ u l-ansjetà. Filfatt, meta artijiet ġodda b’nies li għandhom dehra u kultura differenti bdew jiġu skoperti mill-Ewropej u l-Ingliżi, dawn tal-aħħar ħassew il-bżonn li jiddefinixxu lilhom infushom b’identità superjuri u li tgħaqqadhom taħt kappa waħda. Għalhekk, ukoll ħarġu bl-ideoloġija tar-razzez stratifikati u semmew lilhom infushom ir-razza l-bajda. Imma, minbarra li għaqdet lill-bojod kollha, irrispettivament minn tilwim intern ieħor, kif ukoll tathom sens ta’ superjorità fuq dawk li huma pperċipixxew bħala ta’ razzez inferjuri, din l-identità ħolqot ukoll firda kbira bejn il-bnedmin tad-dinja. Għaldaqstant, barra s-sens ta’ identità ingranat fis-soċjorazza, inħoloq ukoll il-kunċett ta’ Aħna (l-bojod) u Intom (dawk kollha li ma kinux bojod) abbażi ta’ soċjorazza. Kunċett li maż-żmien kompla jidjieq, għax iktar ma għadda ż-żmien u l-pajjiżi tas-soċjorazza l-bajda stangħew minn fuq dahar l-oħrajn, iktar ma l-oħrajn bdew jippruvaw jemigraw fil-pajjiżi tal-bojod biex issibu ħajja aħjar. Però, r-reazzjoni tal-bojod kienet li mhux biss illimitaw bil-kbir l-immigrazzjoni lejn pajjiżhom, imma ukoll għalqu, bħal ma skoprew ħafna Maltin wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-aċċess għall-istess nies li kienu għadhom jisfruttaw u jistgħew minn fuqhom.
Ir-riċerka turina ukoll li meta nħoloq il-kunċett ta’ Aħna-Intom f’moħħ il-bniedem, li f’kuntest razzist jittraduċi fis-soċjorazza l-bajda tgħakkas lill-oħrajn kollha, beda wkoll jisparixxi s-sens ta’ empatija bejn is-soċjorazzez, kif ikoll l-individwalità tal-persuni. Imma hawnhekk il-poter huwa l-fattur kruċjali, għax waqt li membri ta’ soċjorazza fil-poter jistgħu jagħmlu ħafna ħsara u jittrattaw lill-membri tas-soċjorazza bla poter b’mod razzist u omoġeniżżat, il-kontra mhux possibbli. Għalhekk, ir-razziżmu u l-omoġenizzazzjoni ta’ gruppi sħaħ ta’ nies jista’ jsir biss minn min għandu l-poter f’idejh, għax dak li ma għandux jista’ jagħmel biss diskriminazzjoni abbażi ta’ ideat razzisti. Dan il-fenomenu jispjega wkoll għaliex membri ta’ soċjorazza fil-poter jista’ jkollhom imġieba benevolenti mal-membri tas-soċjorazza tagħhom, bħal ma kellu Adolf Hitler mal-Ġermaniżi, imma fl-istess waqt imġieba krudili mal-membri ta’ soċjorazzez oħra. Fl-agħar tagħha, din id-difiża psikoloġika tista’ ukoll tintuża biex dawk fil-poter jipproġettaw kemm id-difetti psikoloġiċi kif ukoll in-nuqqasijiet tagħhom fuq soċjorazzez oħra.
X’tgħid ir-riċerka: Għaliex inħossu l-bżonn li nxerrdu diskors ta’ mibegħda, jew kif ngħidu bl-Ingliż, hate speech?
Ir-riċerka tgħid li sitwazzjonijiet li mhumiex familjari għandhom il-potenzjal li jqanqlu biża’ u ansjetà żejda f’xi wħud. F’dan il-każ, il-biża’ u l-ansjetà żejda qed tiġi mqanqla mis-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni rregolari li xi wħud qed jipperċepixxu bħala sitwazzjoni perikoluża u ta’ theddida għalihom personali, għall-familji tagħhom kif ukoll għall-futur ta’ pajjiżna. U r-raġunijiet għala jħossuhom b’dan il-mod jistgħu jkunu varji. Però, ir-riċerka tgħid li l-biża’ u l-ansjetà żejda għandhom ħabta jitqanqlu meta wieħed jibda jipperċepixxi l-immigranti bħala differenti ħafna minnu. Per eżempju, fid-dehra, ċittadinanza, kultura u ġieli anke reliġjonijiet differenti. U iktar kemm dawn l-individwi jaqraw artikli, li normalment ikollhom ukoll minn tal-inqas ritratt jew tnejn, fuq is-siti soċjali, iktar jibdew iħossuhom fil-periklu u mhedda. Għalhekk biex itaffu dawn l-emozzjonijiet qawwija u jistrieħu, jaqbdu jesprimu dak li jħossu, speċjalment meta jingħaqdu f’alleanza ma’ nies oħra li jħossuhom u jaħsbuha bħalhom, mingħajr riservi. Li forsi mhux jirrealizzaw hu li b’diskorshom ta’ mibegħda għandhom iktar ċans jagħmlu ħsara lilhom infushom milli lil ħaddieħor. Dan għaliex, minflok isibu modi olistiċi kif jgħinu lilhom infushom jikkalmaw u jerġgħu lura għan-normal tagħhom, ikomplu jgħollu l-livell tal-biża’ u l-ansjetà li ħakmithom, kif ukoll iżidu mal-emozzjonijiet negattivi, speċjalment meta jibdew jitmasħnu bejniethom jew ma xi ħadd li jaħsillu jopponihom. Wara kollox, il-messaġġi ta’ mibegħda mhumiex ser iservu biex isolvu s-sitwazzjoni bil-mod kif jixtiequ huma. Għaldaqstant, nistieden lil dawn l-individwi jaħsbu iktar fihom infushom billi jieħdu iktar ħsieb tas-saħħa mentali tagħhom. Ukoll, li jirriflettu bis-sħiħ dwar dak li tassew qed iqanqlilhom l-biża’ u l-ansjetà żejda u jfittxu l-għajnuna li għandhom bżonn.