'Itfgħu l-ħtija fuq Chris Cardona u noqtolkom' - Tkompli l-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech
Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech kien qallu li Chris Cardona spiċċa b'overdose tant kemm inkwieta dwar il-qtil ta' Daphne
minn Yendrick Cioffi
Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech li huwa akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hekk kif il-ġimgħa li għaddiet il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li nkisrulu d-drittijiet tiegħu meta minħabba r-restrizzjonijiet imposti fuq il-Qorti b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19, il-proċeduri kellhom jiefqu ħesrem.
Sa issa, ix-xhud ewlieni kien Melvin Theuma, l-intermedjarju li kien ingħata l-Maħfra Presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar dan il-każ.
Fix-xhur li għaddew, fil-Qorti bdew jinstemgħu r-recordings tat-telefonati bejn Theuma u Fenech li Theuma stess kien irrekordja għax kien qed jibża' li se jinkixef meta Vince Muscat (il-Koħħu), wieħed mill-irġiel li poġġa l-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, ukoll kien talab il-protezzjoni tal-istat biex jikxef.
X'kienu l-punti ewlenin li ħarġu llum mix-xhieda?
- Chris Cardona spiċċa b'overdose tant kemm inkwieta dwar il-qtil ta' Daphne
- Il-Bigly deskritt bħala intermedjarju bejn Chris Cardona u l-Fulu
- Avukat fl-uffiċċju ta' Cardona kien bagħat messaġġ jhedded lil Degiorgio
- Theuma kien ra lill-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta li kien mar għand Fenech għall-ikel
- Fenech jgħid lil Theuma anke Adrian Delia kien mar jiekol għandu
'350' biex wettqu l-qtil
Hekk kif anke llum komplew jinstemgħu dawn ir-recordings, Melvin Theuma qal li l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat ħadu '350' biex wettqu l-assassinju. (Aktar tard Theuma kkjarifika li '350' ifissru €350,000)
Dwar dan qamet ftit ta' kommossjoni fil-Qorti. L-Avukat Caruana Curran insista li meta xehed, Theuma qatt qabel ma semma xejn dwar dawn 'it-350.' Akkużah li qed isemmiha għax għandu t-traskrizzjoni tar-recording f'idejh.
L-Avukat tad-Difiża, Marion Camilleri insistiet li jkun aħjar kieku l-ewwel isiru l-mistoqsijiet lil Theuma u mbagħad jinstemgħu r-recordings fil-preżenza tiegħu iżda l-Maġistrat insista: "aħna mhux qegħdin hawn biex naqbdu lix-xhud."
Jerġa' jissemma n-numru ta' Chris Cardona
Anke llum issemma l-mowbajl li nstab fil-baħar, viċin it-tinda tal-Patata, l-istess post fejn ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.
Fis-seduti li għaddew kien ingħad, minn Theuma, li Yorgen Fenech kien qallu li fuq il-mowbajl li nstab fil-baħar kien hemm biss numru wieħed, jiġifieri ta' Chris Cardona, l-eks Ministru Laburista u d-Deputat Mexxej tal-PL.
Aqra wkoll: 'Yorgen qalli li sabu mowbajl u fuqu kien hemm biss in-numru ta' Chris Cardona'
Theuma, fir-recording, jistaqsi lil Fenech jekk hux Keith Schembri qallu dwar dan. Jidher li għal din it-tweġiba baqa' bla risposta.
Cardona kien qal li l-Pulizija qatt ma interrogawh dwar dan.
NOTA: Ta' min ifakkar li Cardona kien ġie interrogat wara li ittra li kellu f'idu Yorgen Fenech u li allegatament waslet għandu mingħand Keith Schembri bl-għajnuna tat-tabib Adrian Vella, kienet timplika lilu. Cardona kien ċaħad u saħanistra insista li dan kien attentat ta' frame-up fuqu.
Cardona "kien jitkellem ta' spiss" ma' Alfred Degiorgio
L-Ispettur Keith Arnaud kompla jistaqsi dwar dan u Theuma qal li Yorgen Fenech kien qallu li Cardona kien jitkellem ta' spiss ma' Alfred Degiorgio.
Kompla jisħaq li Degiorgio qatt ma riedu jmur fit-tinda tal-Patata u għalhekk kienu jikkomunikaw bil-mowbajl.
Cardona kellu 'overdose'?
Anke l-Avukat Jason Azzopardi kompla jistaqsi dwar Chris Cardona u staqsa lil Theuma jekk jaħsibx li huwa ftit stramb li Fenech qallu li kien hemm mowbajl li fuqu kien hemm biss in-numru ta' Cardona u tal-Fulu.
Theuma qal li isem l-eks Ministru jissemma' diversi drabi.
Qal li darba Fenech qallu li Chris Cardona kien iddaħħal l-isptar għax kellu 'overdose.'
"Kien inkwetat minħabba l-qtil ta' Daphne. Fenech qalli li Cardona kien bela xi pinnoli u għalhekk kien iddaħħal l-isptar," saħaq Theuma.
'Weħħel f'Cardona u noqtlok'
Azzopardi kompla jistaqsi dwar ritratt li fih jidher raġel li allegatament għadda flus mingħand Cardona għal għand il-Fulu.
L-Avukat Azzopardi staqsih jekk jafx lil din il-persuna. "Dan kien il-persuna tat-350 li allegatament għaddew mingħand Cardona għall-Fulu?"
Theuma wieġeb fil-pożittiv u qal li ismu jibda bil-B. Skontu, dan kien l-intermedjarju bejn Cardona u l-Fulu. "Mhux ċert min urini dan ir-ritratt jekk hux Johann jew Yorgen. Imma anke l-Pulizija urewni dan ir-ritratt."
Azzopardi staqsih jekk dan kienx "il-Bigli," iżda Theuma qallu li ma jafx għax qatt ma ltaqa' miegħu.
Kompla jistaqsih jekk Mario Degiorgio (ħu l-aħwa Degiorgio) qattx semma' miegħu lil xi ħadd b'rabta mal-ġuri.
"Iva. Mario Degiorgio darba semma' lil David Gatt u qalli li sakemm ikun hemm il-ġuri, irid jipprepara 400. David Gatt kien bagħat messaġġ ma' xi ħadd li jekk l-aħwa Degiorgio kellhom jitfgħu l-ħtija fuq Cardona, kien joqtolhom," kompla jixhed Theuma. Kompla jgħid li darba, meta kienu fil-vann tal-ħabs, uffiċjali tal-ħabs semgħu lill-aħwa Degiorgio jiftehmu biex jitfgħu l-ħtija fuq Cardona.
"Ma kontx naf lil David Gatt. Ma kontx naf li Gatt u Cardona kienu jaqsmu uffiċċju," insista Theuma.
Yorgen Fenech imur jiekol ma' Adrian Delia?
Melvin Theuma qal li darb'oħra Yorgen Fenech qallu li mar jiekol għandu anke l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
"Apparentament staqsa lil Yorgen jekk jistax imur bis-shorts. Ma nafx jekk kienx qed jigded, jew biex jiftaħar bil-kuntatti."
Silvio Valletta għand Fenech
Fis-seduti li għaddew, ħarġet ukoll ir-rabta u l-ħbiberija li kien hemm bejn Fenech u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta li għall-bidu kien inkarigat mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Illum, waqt li l-Avukat Jason Azzopardi kien qed jistaqsi, Theuma spjega kif jiftakar lill-eks Kummissarju Silvio Valletta li mar fil-farmhouse ta' Fenech biex jiekol miegħu.
"Darba mort l-farmhouse ta' Fenech f'Ħaż-Żebbuġ. Fenech kien qed isajjar il-kannelloni. Il-porzjon kien żgħir, jiġifieri ma kienx se jkun hemm ħafna nies. Tkellimna dwar il-każ ta' Daphne," saħaq Theuma. "Qalli biex inġib il-ħobż u meta kont dieħel lura, minn xaqq ta' bieb imbexxaq, rajt lil Silvio Valletta."
Ġimgħa wara, meta Theuma kien qed isuq lil Fenech sal-ajruport dan qallu: "Valletta għarfek. Qal li wiċċek mhux ġdid."
Meta se jixhed Keith Schembri?
Meta ntemmet ix-xhieda ta' Melvin Theuma, l-Avukat Caruana Curran staqsa dwar tliet xhieda oħra, jiġifieri Keith Schembri, Kenneth Camilleri (uffiċjal tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat) u Johann Cremona
Il-Qorti infurmatu li l-ewwel għandha tintemm ix-xhieda kollha ta' Theuma u mbagħad wara jgħaddu għax-xhieda l-oħra.
"Ilna xhur inkaxkru ma' xhur wieħed u ma nixtiqux indumu aktar," insista l-Avukat.
Is-seduta se tkompli nhar it-Tnejn 8 ta' Ġunju fejn mistennija tintemm ix-xhieda ta' Theuma.
X'ġara fix-xhur li għaddew?
Fis-seduti li għaddew issemma’ għal diversi drabi Keith Schembri, l-eks Chief of Staff f’Kastilja li wkoll kellu jixhed f’din il-kumpilazzjoni.
Issemma’ wkoll ċertu ‘Kenneth’ li kien uffiċjal tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u li kien qed jitkellem ma’ Melvin Theuma dwar il-ħelsien mill-arrest tat-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Theuma kien qal li dan Kenneth kien qed jibagħtu għandu Keith Schembri.
Fil-fatt, skont Theuma, Keith Schembri kien ikun infurmat dwar dak kollu li jkun għaddej fl-investigazzjoni u kien jgħaddi din l-informazzjoni lil Yorgen Fenech.
Ħarġet ukoll ir-rabta u l-ħbiberija li kien hemm bejn Fenech u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta li għall-bidu kien inkarigat mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Aqra wkoll:
- Keith, ‘l-oħxon,’ ‘ix-xiħ,’ u Cardona. Min jissemma fir-recordings ta’ Melvin u Yorgen?
- It-tabib Vella jisma' lil Fenech jgħid: 'Jekk ninżel jien...Keith jinżel miegħi'
- 'Keith kesaħ meta Yorgen qallu bil-qtil ' - Melvin Theuma
- Yorgen kien ħiereġ bil-jott ... Schembri jgħidlu: 'taħseb li dan mument opportun?'
- Keith Schembri jgħid lill-Pulizija li tilef il-mowbajl
- Keith Schembri qed ikun investigat fuq 'omiċidju, tbagħbis ta' evidenza u reati oħra'