Fi stqarrija il-UĦM Voice of the Workers qalet illi tistenna li fil-pakkett finanzjarju li se jitħabbar nhar it-Tnejn li ġej, jingħata rikonoxximent finanzjarju lill-frontliners - u allura l-ħaddiema tas-saħħa u tal-buon ordni -fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-Covid-19. Il-unjin qalet ukoll illi ladarba l-Prim Ministru Robert Abela qed jgħid li kollox ġej għan-normal il-postijiet tax-xogħol kollha li huma miftuħa jew dawk li se jiftħu, iridu jippreżentaw risk assessment, kemm fuq il-ħaddiema kif ukoll fuq il-klijenti, jieħu ħsieb li ma nesponux lill-front liners għal xi mewġa oħra li tista’ twassal għall-burnout tal-istess ħaddiema u jagħmilha ċara li l-vulnerabbli għandhom jibqgħu jiġu protetti dment li l-awtoritajiet tas-Saħħa ma jiddikjarawx li l-istat tal-emerġenza ma jibqax eżistenti.
L-istess UĦM qalet illi l-messaġġ tal-Prim Ministru nhar il-Ħadd u diskors dwar amnestiji huwa "insult" kemm għall-ħaddiema tas-saħħa, kif ukoll "għal dawk in-nies ta’rieda tajba li segwew kull parir mogħti lilhom mill-awtoritajiet tas-Saħħa."
"Din il-union qed tħoss li qed jintbagħatu ħafna messaġġi kunfliġġenti bejn dak li jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa u l-Prim Ministru."
"Filwaqt li l-awtoritajiet tas-Saħħa qed jitolbu kawtela mill-pubbliku u l-messaġġ huwa li noqgħodu attenti, il-Prim Ministru qed iwassal il
messaġġ li l-COVID-19 għadda u li l-mewġ qiegħed fil-baħar."
Fir-rigward tal-amnestiji għal min qala' ċitazzjoni - li l-Prim Ministru qal illi se jingħataw biss lil każijiet ġenwini - il-UĦM fakkret li bħal kull
ċitazzjoni oħra, din tista’ tiġi appellata, irrelevanti x’jgħid il-Prim Ministru. "Issa huwa fid-diskrezzjoni tal-Arbitru sabiex jiddeċiedi jekk il-każ ħaqqux li jerġa’ jiġi kunsidrat jew le. Il-kliem tal-Prim Ministru fl-aħħar jiem ifisser aktar taħwid fil-borma sabiex ikun hemm indħil fl-istituzzjonijiet, u tali indħil mhuwiex aċċettabbli."
Ara kif wieġeb il-bieraħ il-Prim Ministru dwar l-amnestiji f'xi każi.