Il-Hate Crime Unit qiegħda tinvestiga kullana ta' kummenti omofobiċi u tgħajjir kontra Angela Coleiro, eks preżentatriċi fuq l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista, iżda li fl-aħħar żmien kienet qed tikkritika apertament u b'mod konsistenti lill-Gvern, speċjalment fuq il-miżuri tal-Covid-19.
Jidher illi kummenti tagħha wasslu għal kullana ta' kummenti omofobiċi, illi fihom numru ta' persuni jirridikolawha u jgħajjruha għax transesswali.
Iżda Coleiro wieġbet lura hekk kif sostniet li hi mhux se tibża' u li għamlet rapport lill-pulizija. Fil-fatt dan ir-rapport lill-Pulizija sar bl-għajnuna tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg li f'messaġġ fuq il-paġna tagħha ta' Facebook qalet illi din mhux se tieqaf hawn.
"X'ħasbu dawn ? Li se nintefa' ġo xi rokna nibki u nitwerwer? Ma nibżax mill-bullies. Dalgħodu saru r-rapporti li kellhom isiru u l-investigazzjonijiet diġa' bdew. Fil-waqt, jittieħdu l-passi kollha legali skond il-liġi u l-kostituzzjoni ta' pajjiżna.".
Intant numru ta' politiċi għamlu kuntatt ma' Coleiro u esprimew is-solidarjetà tagħhom magħha, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.