Interess internazzjonali min 'ġganti fl-infrastruttura' għall-mina bejn Malta u Għawdex

Il-privat se joħroġ l-ispiża kapitali bid-dħul ikun mill-ħlas tas-sewwieqa biex jużaw il-mina

Il-Gvern irċieva erba' sottomissjonijiet minn dawk li l-Ministru Ian Borg iddeskriva bħala 'ġganti fl-iżvilupp infrastrutturali' għal bini ta' mina miż-żona tal-Manikata f'Malta għaż-żona ta' Għawdex fin-Nadur.  Il-mina kienet wegħda elettorali taż-żewġ partiti l-kbar fl-aħħar elezzjoni ġenerali u wasslet ukoll għall-kritika qawwija minn ambjenatlisti, minħabba li se tfisser illi tittieħed aktar art agrikola minn fejn il-mina tiftaħ.

Il-proċess tat-tendering intemm illum bl-offerti jkunu minn żewġ konsorzji u żewġ kumpaniji, mill-Italja, it-Turikija, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Olanda.

F'Jannar li għadda il-Gvern ħareġ kwestjonarju u miri biex jintefgħu tenders sa dalgħodu, biex b'hekk issa ġiet fi tmiemha l-ewwel fażi ta' dan il-proġett.

Kumitat ta' Evalwazzjoni se jiddetermina jekk dawk li tefgħu t-tenders jissodisfawx il-kriterji u dawk li jissodisfaw jgħaddu għat-tieni fażi:  dik teknika.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta Frederick Azzopardi spjega kif esperti Norveġiżi - kif fil-fatt kienet żvelat il-gazzetta ILLUM snin ilu - qed jgħinu fil-proċess.  Huwa spejga wkoll kif dan il-proġett se jnaqqas bil-kbir it-traffiku mill-bypass tal-Mellieħa u mix-Xemxija, fejn mhux l-ewwel darba illi jinħoloq konġestjoni tat-traffiku.

Il-Ministru fakkar li l-proġett se jkun kollu ffinanzjt mill-privat li mbagħad idaħħal il-flus permezz ta' ħlas biex tuża il-mina. 

Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex li fakkar kemm ilu mistenni dan il-proġett u li jfakkar illi kellu jkun dan il-Gvern li jieħu passi konkreti dwaru.

 

More in Politika