Il-Minisru responsabbli mill-Air Malta Silvio Schembri llejla ħabbar illi l-Airmalta ħadet id-deċiżjoni li jkunu ssensjati nofs il-piloti wara li l-ALPA talbet €73 miljun għall-skema tal-irtirar.
Fi stqarrija l-Gvern sostna illi l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta għamlet bosta laqgħat twal mal-Unjin tal-Piloti sabiex tissalvagwardja s-sostenibbiltà u l-vijabbiltà tagħha.
"Madanakollu, wara li l-unjin tal-piloti nsistiet fuq skema ta’ rtirar kmieni ta' €73 miljun, medja ta’ €700,000 għal kull pilota, il-linja tal-ajru ma kellha ebda għażla oħra ħlief li tipproċedi bis-sensji ta’ 69 mill-piloti tagħha."
Fl-istqarrija l-Ministru ghall-Ekonomija responsabbli mill-Air Malta, Silvio Schembri, qal li l-azzjonijiet tal-ALPA ppruvaw joħonqu l-operat tal-Airmalta billi - skontu - it-talbiet li saru ma kinux raġonevoli fi żmien meta d-dħul tal-linja tal-ajru naqas bil-kbir minħabba l-pandemija Covid-19.
Il-Ministru esprima d-dispjaċir tiegħu bil-pożizzjoni li ħadet l-ALPA, "b’detriment għal membri tagħha stess." Fl-istqarrija ntqal li l-AirMalta se tibqa’ topera u se tibqa’ impenjata li tara li tipprovdi l-konnettività għall-industrija tat-turiżmu billi tipprovdi r-rotot ewlenin filwaqt li tibqa’ sostenibbli sabiex jibbenifikaw mhux biss il-ħaddiema iżda l-ekonomija Maltija.