Hekk kif illum se jitħabbar dak li l-Prim Ministru sejjaħlu baġit "multi miljunarju" - barra minn żmienu u mill-fondi Ewropej mogħtija lil Malta - din il-gazzetta tinsab infurmata illi fl-aħħar ġimgħat numru ta' infermiera u ħaddiema tas-saħħa minflok raw id-dħul tagħhom jiżdied bħala inċentiva, raw id-dħul tagħhom jonqos hekk kif kienu kostretti jikru appartament biex ikunu jistgħu jmorru għax-xogħol. Dan sabiex jibqgħu 'l bogħod mill-familja tagħhom, speċjalment fejn hemm nies vulnerabbli
Dan kien ikkonfermat mill-MUMN u anke minn infemiera li jaħdmu Mater Dei.
Filwaqt li uħud mill-infermiera illi ma setgħux imorru d-dar biex jipproteġu lil familthom sabu residenzi alternattivi ta' familji u ħbieb, kien hemm oħrajn li kellhom jikru mingħand il-privat.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Colin Galea qal illi filwaqt li l-kirjiet bħalissa naqsu, dawk li kellhom jikru mingħand il-privat, kellhom joħorġu flus mill-but biex iħallsu kirja u jmorru għax-xogħol. Infermiera li tkellmu ma' din il-gazzetta kkonfermaw dan, għalkemm qalu illi f'xi każi ta' kwarantina ġie offrut li dawn jgħixu fir-residenza tal-Università f'Ħal Lija.
Huwa fid-dawl ta' dan illi l-MUMN qiegħda tappella lill-Gvern biex il-ħaddiema tas-Saħħa - tobba, infermiera u anke carers - jingħataw bonus ta' rikonoxximent.
Imma mhux biss. L-istess unjin appellat biex 267 infermier li bħalissa jinsabu lesti biex jibdew ix-xogħol, li għamlu u għaddew mill-interview u li huma minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea jiddaħħlu kemm jista jkun malajr, sabiex itaffu mill-piż li bħalissa jeżisti fuq ir-riżorsa.
Fil-fatt fl-aħħar ġimgħat l-MUMN kienet qalet illi hemm bżonn ta' 500 ħaddiem ġdid fil-qasam tas-saħħa, f'dak li għandu x'jaqsam sptar u dak kollu li jaqa' taħt il-Ministeru tas-Saħħa, kif ukoll dak kollu li għandu x'jaqsam ma' ħaddiema fil-qasam tal-anzjani. Minn dawn sa issa ddaħħlu mal-166, li huma ċittadini Ewropej.
Galea sostna illi filwaqt li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, fakkar illi kull sena jitilqu minn infermiera, minħabba li jirtiraw u għal raġunijiet oħrajn - l-istess numru
L-MUMN mhijiex l-unika unjin li qed tagħmel il-proposti tagħha, bil-GRTU, l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA) u anke l-Kunsill Nazzjonali taż-żgħażagħ jagħmlu l-proposti għall-eżerċizzju finanzjarju li se jitħabbar għada.
Il-proposta ta' bonus lill-frontliners waqt il-pandemija tal-Covid-19 saret ukoll, din il-ġimgħa, mill-UĦM Voice of the Workers.
In separate box or separator
'Ma ġejniex ikkonsultati ...'
Intant ma' din il-gazzetta il-GWU, l-MUMN, il-UĦM Voice of the Workers u l-FORUM Unjins Maltin ilkoll qalu illi matul l-aħħar ġimagħtejn ma kienx hemm konsultazzjoni dwar id-direzzjoni li se jieħu l-Gvern f'dan il-Baġit jew inkella diskussjoni dwar miżuri speċifiċi. Il-GRTU kkonfermat li ma saritx din id-diskussjoni għalkemm ġew mitlubin jgħaddu l-proposti.
Fil-fatt saret laqgħa tal-MCESD illi matulha ġew mogħtija ċifri u numri, imma fl-ebda ħin ma saret diskussjoni dwar xi miżuri li se jitħabbru llum.