'Taħt ġurament ma nistax nimplika lil Keith Schembri' - Melvin Theuma
Minkejja li kemm il-darba tul ix-xhieda tiegħu Melvin Theuma semma lil Keith Schembri u kif dan kien jgħaddi l-informazzjoni lil Yorgen Fenech, insista li taħt ġurament ma jistax jimplikah

minn Yendrick Cioffi

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Fis-smigħ tal-lum kompla jixhed Melvin Theuma, l-intermedjarju tal-qtil, li ngħata l-protezzjoni tal-istat biex ikun jista' jikxef l-informazzjoni kollha dwar l-assassinju.
Dawn huma l-punti ewlenin tas-smigħ tal-lum:
- Theuma kien qed jibża' li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu qed jippjanaw li jeliminawh
- Fenech kien iħossu protett bil-Partit Laburista fil-Gvern
- Schembri u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kien informa lil Fenech dwar ir-rejd fuq Theuma
- Theuma kien imbeżża' ħafna tant li kien qed jaħsibha jkellimx lil Matthew Caruana Galizia
- Theuma jgħid li kien talab lil Edwin Brincat (il-Ġojja) biex jitkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija
- Vince Muscat ried jikxef informazzjoni dwar seba' reati, iżda mhux dwar is-serqa tal-HSBC tal-2010 "għax persuni importanti kienu involuti fiha."
Fenech infurmat minn Keith Schembri u Silvio Valletta
Theuma kompla x-xhieda tiegħu billi spjega kif Vince Muscat, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, ried jikxef dak kollu li jaf dwar seba' reati, iżda mhux dwar is-serqa mill-HSBC fl-2010 "għax persuni importanti kienu involuti fiha."
Skont Theuma, sar jaf din l-informazzjoni mingħand Yorgen Fenech u Johann Cremona, uffiċjal fis-settur tal-gaming u sħab tal-istess Fenech.
Min-naħa tiegħu, dejjem skont Theuma, Yorgen Fenech sar jaf din l-informazzjoni mingħand "sieħbu" Keith Schembri u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta.
NB: Ta' min ifakkar li Melvin Theuma beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet tiegħu ma' Fenech meta sar jaf li Vince Muscat kien qed jitlob il-maħfra presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar l-assassinju ta' Daphne u aktar. Hu stess kien saħaq li kien imbeżża' ħafna li se jinkixef u li se tintefa' l-ħtija kollha fuqu

Isem Chris Cardona mill-ġdid
Hekk kif ikomplu jinstemgħu r-recordings, Fenech jinstema' jassigura lil Melvin Theuma li huma "jaħsbu" li nstab mowbajl u li permezz tiegħu Alfred Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne, kien jikkomunika ma' Cardona.
Theuma saħaq li meta kien jisma' li hemm xi ħadd ieħor involut fil-qtil, kien iħossu ħafna aħjar u b'inqas piż.
NB: Ta' min ifakkar li f'intervista ma' The Times of Malta, Cardona ċaħad din l-informazzjoni kollha u ddeskriviha bħala "attentat ta' frame-up." F'seduti oħra, Theuma saħaq li dan il-mowbajl, li fuqu kien hemm biss in-numru ta' Cardona, instab fil-baħar, viċin it-tinda tal-patata, fejn kienu ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

'Se nieħu ħsieb jien'
L-Avukat Jason Azzopardi staqsa lil Melvin Theuma dwar parti mir-recordings fejn hu jinstema' jistaqsi lil Fenech x'se jagħmel jekk jinqabdu.
Skont Theuma, Fenech wieġbu biss: "Se nieħu ħsieb jien."
'Kieku jaqa' l-Gvern'
Mistoqsi mill-avukat Azzopardi, Theuma kompla jgħid li Yorgen Fenech kien ikellmu dwar bombi oħra li Vince Muscat ried jikxef informazzjoni dwarhom.
"Irrid inkun ċar hawn, li kien Yorgen li qalli dawn l-affarijiet. Jiena ma kontx nafhom," insista Theuma.
Aktar qabel, fir-recordings, Fenech jinstema' jgħid lil Theuma li jekk il-mowbajl ta' Cardona kellu jispiċċa f'idejn persuni terzi, "jaqa' l-Gvern."

'Kont imwerwer'
Ix-xhieda tgħaddi għal konverżazzjoni oħra li Fenech kellu ma' Theuma wara l-assassinju.
Spjega kif dakinhar tar-recording li nstema' kien mar għand Fenech biex jagħtih żewġ fliexken whiskey u biex jirringrazzjah għal btala ta' €5,000 li kien ħallaslu.
Theuma u Fenech jiddiskutu l-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.
Melvin Theuma jgħidlu li kien qed jibża' li jekk dawn jingħataw il-maħfra kienu se jikxfu kollox u kien inkwetat aktar u aktar għax huma ma kinux jafu lil Yorgen Fenech iżda lilu biss.
"Kont imwerwer minn kollox. Ridt inkellem lil Matthew Caruana Galizia. Ridt inkellam lill-knisja," xehed waqt li spjega li kien imħasseb ħafna meta sema li Degiorgio riedu jitkellmu mal-MEPs Anna Gomes, David Casa u ma' Jason Azzopardi.
'Yorgen kellu jkun barra d-Depot jistennini ... minflok kien qed jaħrab'
Melvin Theuma kompla jitkellem dwar il-biżgħa li ħakmitu tant li fi kliemu kien qed jieħu pinnoli tad-dipressjoni li tahomli Yorgen Fenech stess.
Spjega kif kemm il-darba saq lejn id-Depot tal-Pulizija iżda reġa' dar lura malli wasal.
Theuma qal li meta kienu se jarrestawh, Fenech kien qallu li se jkun qed jistennih barra d-depot biex jixtrielu l-pastizzi, iżda minflok, kompla Theuma, kien qed jipprova jaħrab.

Iwiegħduh li se jinfurmawh bit-tfittxijiet tal-Pulizija
Theuma kompla jixhed kif Fenech u anke Johann Cremona kienu wiegħduh li se javżawh minn qabel dwar it-tfittxijiet li jkunu qed isiru mill-Pulizija ta' kontra r-reat ekonomiċi.
Qal li Cremona kien saħansitra qallu li kellu jkellmu Raymond Aquilina (uffiċjal tal-Pulizija) u kien qallu: "Dak orrajt!"
Spjega kif Fenech kien qallu li l-Pulizija kellhom jarrestawh "fis-16."
Aktar qabel qal li kien determinat li quddiem il-Pulizija joħroġ jikxef kollox.

'Keith Schembri u Silvio Valletta qalulu'
Theuma kompla jixhed li Fenech kien qallu li l-Pulizija kellhom jagħmlu rejd "fir-remissa," iżda, fi kliemu, dan kienu l-uniku post fejn il-Pulizija ma fittxewx.
Arnaud staqsih minn fejn Fenech kien ġab din l-informazzjoni dwar ir-rejd.
"Mingħand Keith Schembri u Silvio Valletta"
Kompla jgħid li kien qal lil Fenech biex jitkellem "mar-raġel minn Ħal Luqa" meta sar jaf li l-arrest tiegħu kien imminenti. Ir-raġel minn Ħal Luqa huwa l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
'Qat ma kellimt lil Cutajar'
Theuma qal li darba minnhom, Edwin Brincat (il-Ġojja) kien mar għand Lawrence Cutajar biex jirranġalu dwar xi multa u li l-Kummissarju kien staqsih jekk jafx xi ħaġa dwar ir-recordings li kellu Theuma.
"Żomm għajnejk miftuħa. Jekk jaf il-Kummissarju, il-Pulizija jafu," kien wissa Brincat lil Theuma. Min-naħa tiegħu Theuma insista li huwa qatt ma tkellem ma' Cutajar.
Madanakollu saħaq illi li kienu Johann u Yorgen kienu se jilagħbuh, kien lest jiftaħar bil-kuntatt tiegħu mal-Kummissarju.
'Taħt ġurament ma nistax nimplika lil Keith Schembri'
Mistoqsi dwar l-irwol ta' Keith Schembri fl-assasinju, Theuma qal l-eks Chief of Staff kien imsemmi ħafna dwar tixħim u affarijiet simili.
"Allura kkonkludejt li kien involut. Iżda taħt ġurament, ma nistax nimplikah. Qatt ma lqajt ma' Keith Schembri dwar dan," insista Theuma.
Qal li darba, meta ma setax jaqbad lil Yorgen, mar quddiem Kastilja biex jipprova jara jilmaħx lil Keith Schembri biex ngħidlu jgħid lil Fenech jixgħel il-mowbajl. "Mort darbtejn Kastilja imma ma rajtux," qal Theuma.
Kompla jispjega kif xtaq jitkellem urġenti ma' Fenech wara li Mario Degiorgio kien qallu li riedu €80,000 għax l-Avukat Franco Debono ried jidħol fil-każ.
L-Avukat Marion Camilleri minnufih qamet fil-Qorti u saħqet li "Dr Debono qatt ma kien involut fil-każ."

Theuma mitlub joqgħod għassa mad-dar ta' Keith Schembri
L-Avukat Jason Azzopardi kompla jistaqsu dwar Edwin Brincat, il-Ġojja u jekk dan kienx tah xi informazzjoni li kiseb mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar ir-rejd li kellu jsir.
"Qatt," wieġeb Theuma.
Madwar xahar qabel ir-rejd, Johann Cremona kien wissa lil Theuma li kien fl-inkwiet dwar il-ħasil tal-flus iżda kien Yorgen Fenech li informah dwar id-data li fiha kellu jsir ir-rejd, jiġifieri fis-16 ta' Novembru.
Theuma kompla jgħid ukoll li fil-jum tal-aħħar elezzjoni, Fenech kien talbu jgħasses id-dar ta' Keith Schembri għax "ma kien qed jafda lil ħadd."
Imma Theuma rrifjuta anke għax kien se jqatta' l-ġurnata mal-familja f'Għawdex.
'Inħossni sigur bil-Labour fil-Gvern'
Messaġġ ieħor li Fenech bagħat jirreferi għal sondaġġ tal-Malta Today u li kien juri li l-Partit Laburista qed igawdi vantaġġ ta' 80,000 vot.
Mistoqsi x'ried jgħid b'dan il-messaġġ, Theuma saħaq li Fenech kien iħossu sigur bil-labour fil-Gvern.
Keith Schembru huwa sors ta' informazzjoni
Mistoqsi wkoll jekk Fenech qattx qallu jekk kienx hemm xi ħadd ieħor involut fil-qtil, Theuma wieġeb fin-negattiv.
"Qatt ma qalli li Schembri kien involut fil-qtil jew inkella għaliex dejjem tkellem fil-plura. Qalli biss li Schembri kien sors ta' informazzjoni," insista Theuma.
X'ġara l-ġimgħa li għaddiet?
Il-ġimgħa li għaddiet, il-protagonist tax-xhieda ta' Theuma kien id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona fejn Theuma ikkonferma li t-tapes li hu stess irrekordja jsemmu lill-eks Ministru Chris Cardona bħala wieħed minn dawk li taw il-flus biex tinqatel Caruana Galizia.
Aqra wkoll: 'Itfgħu l-ħtija fuq Chris Cardona u noqtolkom'
Fil-fatt Theuma qal li l-aħwa Degiorgio u l-Koħħu ħadu €350,000 biex qatlu lil Daphne Caruana Galizia. Fl-istess seduta l-avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja Caruana Galizia u parte civile għal Daphne staqsa dwar ritratt li fih jidher raġel li allegatament għadda flus mingħand Cardona għal għand il-Fulu.
L-Avukat Azzopardi staqsih jekk jafx lil din il-persuna. "Dan kien il-persuna tat-350 li allegatament għaddew mingħand Cardona għall-Fulu?"
Theuma wieġeb fil-pożittiv u qal li ismu jibda bil-B. Skontu, dan kien l-intermedjarju bejn Cardona u l-Fulu.
Intant Cardona qed jinnega bil-qawwa kollha din l-allegazzjoni u jinsisti li dan hu kollu għidut maħluq minn min qatel lil Caruana Galizia, biex it-tort jintefa' fuqu.
Jidher li dan ħoloq pressjoni kbira fuq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela b'diversi Ministri jisħqu mal-gazzetta ILLUM li l-pożizzjoni ta' Cardona bħala Deputat Mexxej ma għadhiex tenibbli.

