Il-Kabinett jagħżel lil Angelo Gafà bħala l-aktar kandidat addattat għall-Kummissarju tal-Pulizija

Fil-bidu ta' Mejju l-gazzetta ILLUM kienet kkwotat sorsi mill-Korp tal-Pulizija li spjegaw kif Angelo Gafà huwa l-favorit għall-kariga

Wara li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ħarget sejħa pubblika u temmet il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizjia, il-Kummissjoni b’mod unanimu rreferiet il-lista mqassra għal żewġ kandidati lill-Kabinett tal-Ministri. 

Minn dawn iż-żewġ kandidati, il-Kabinett għażel lil Sur Angelo Gafà bħala l-aktar wieħed addattat għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Hekk issa, l-istess Gafà se jgħaddi għal smigħ parlamentari mill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi. L-aħħar kelma tkun tal-Prim Ministru.

Fil-bidu ta' Mejju l-gazzetta ILLUM kienet kkwotat sorsi mill-Korp tal-Pulizija li spjegaw kif Angelo Gafà li preżentament jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija huwa l-favorit għall-kariga ta' Kummissarju.

Qabel intagħżel bħala Kap Eżekuttiv, Gafà serva fil-Korp tal-Pulizija bħala Spettur u kien ukoll membru tas-Servizzi Sigrieti. Kien ukoll logotenent tal-Forzi Armati ta’ Malta

More in Politika