Illejla l-Gvern ħabbar li se jkun jidħol fis-seħħ tnaqqis fir-rata tal-boll kemm għal min se jixtri u anke għal min se jbigħ proprjetà.
Għal min se jixtri, ir-rata se tinżel minn 5% għal 1.5%. Għal min se jbigħ ir-rata se tinżel minn 8% għal 5%.
Dawn ir-rati se jkunu japplikaw fuq l-ewwel €400,000 fuq il-prezz ta' proprjetà u għal min se jiffirma l-kuntratt sal-aħħar ta' Marzu. Dan ifisser li persuna li tixtri proprjetà ta' €400,000, se jkun qed jiffranka €14,000.
Intant, il-Gvern ħabbar ukoll aġġustament fl-iskema tal-first-time buyes.
Sa issa, persuna li tkun xtrat, pereżempju, garaxx qabel xtrat l-ewwel dar residenzjali, jew inkella tkun wirtet garaxx jew proprjetà oħra, ma kinitx tibbenefika minn din l-iskema.
Minn issa u b'mod temporanju, se jkun qed jidħol dan l-aġġustament biex anke dawn il-persuni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema meta jiġu biex għall-ewwel darba jixtru proprjetà.