'Inaċċettabbli li fl-2020 l-Għawdxin għadhom meqjusa ċittadini tat-tieni klassi' - LGBTI+

LGBTI+ Gozo turi t-tħassib tagħha għam-nuqqas ta' servizzi tas-saħħa sesswali f'Għawdex

LGBTI+ Gozo ħarġet stqarrija u fiha qed turi tħassib tagħha għas-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali f’Għawdex fejn fi kliemha s-servizzi huma limitati jew saħansitra ma jeżistux mingħajr ma hemm l-ebda pjan għall-futur.

L-istqarrija tisħaq li l-grupp ilu mill-2015 jitlob biex jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa sesswali iżda fi kliemha, ftit li xejn kien hemm żvilupp.

“L-organizzazzjoni hija konxja wkoll tal-fatt li s-servizz fil-GU Clinic ta’ Malta huwa staġnat,” kompliet l-istqarrija waqt li faħħret l-impenn tal-ħaddiema li qed jaħdmu bir-riżorsi li għandhom disponibbli.

“Huwa inaċċettabbli li fl-2020, l-Għawdxin huma meqjusa ċittadini ta’ klassi inqas,” kompliet l-istqarrija.

LGBTI+ Gozo talbet għal djalogu mas-soċjetà ċivili Għawdxija fuq dan is-suġġett. 

“Il-kura tas-saħħa sesswali mhijiex biss realta LGBTI iżda taffettwa lill-Għawdxin kollha. Għalhekk huwa inaċċettabbli li fl-2020 kull Għawdxi, li bi dritt jitlob aċċess għas-servizzi ta’ saħħa sesswali, ikun riferut Mater Dei,” kompliet l-istqarrija. “Wasal iż-żmien li nerġgħu nqumu u ninvestu fil-kura tas-saħħa kemm tal-Maltin u l-Għawdxin u noffru l-aqwa kura primarja lil kulħadd.”

More in Politika