Fl-aħħar sigħat il-Linja Nazzjonali tal-Ajru l-Air Malta nediet filmat promozzjonali mill-isbaħ illi fih qed tħajjar lill-Maltin u lill-barranin li jixtiequ jiġu Malta biex jużaw l-Air Malta.
Din il-ġimgħa l-kumpanija ħabbret illi se tibda b'dawn id-destinazzjonijiet: Berlin, Katanja, Dusseldorf, Frankfurt, Ġinevra, il-Lussemburgu, Munich, Vjenna u Żurich.
Fil-filmat promozzjonali l-Air Malta terġa tmur lura għall-aħħar ġimgħat iddominati mill-pandemija u tgħid li issa l-ħajja reġgħet bdiet ġejja għan-normal. "Għadda ftit żmien. Waqafna biex ħadna nifs. Għamilna sagrifiċċji u nafu li int għamilt ukoll. Issa aħna lesti. Int lest? Ejja ħa mmorru. Nibdew mill-ġdid. Tir mal-Air Malta."
Il-Gvern Malti ħabbar li l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta se jifaħ għal 19-il destinazzjoni. Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn uħud minnhom u jekk fil-fatt dawn fetħux għal pajjiżna sa issa.
L-Air Malta kienet fl-aħbarijiet nhar is-Sibt li għadda hekk kif fallew diskussjonijiet mal-bdoti, xi ħaġa li wasslet biex nofs il-bdoti jitkeċċew mix-xogħol.