'Meta ngħinu lin-negozji, ngħinu lill-ħaddiema' - Carmelo Abela
Carmelo Abela jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri mħabbrin nhar it-Tnejn li għadda
minn Albert Gauci Cunningham
"Il-pakkett ekonomiku jgħin lil min għandu bżonn bħala katina waħda. Meta ngħinu lin-negozji qed ngħinu lill-ħaddiema u meta qed ngħinu lill-ħaddiema qed ngħinu lin-negozji”, Dan intqal mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, f’konferenza stampa ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja fejn irrimarka li aspett kruċjali tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika hu li jipproteġi lill-ħaddiema u x-xogħol.
Abela saħaq kif l-għan ta’ dan il-Gvern mill-bidu tal-pandemija kien li jsalva l-impjiegi u jiġġarantixxi li huma jkollkom dħul adekwat u għaldaqstant sabiex tgħin lill-ħaddiem hemm bżonn li tgħin ukoll lil min jipprovdi x-xogħol . Huwa tkellem kif il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika mħabbar mill-PM nhar it-Tnejn li għadda jirrifletti żewġ aspetti importanti, r-reżiljenza u s-sostenibilita li jippremja x-xogħol u l-bżulija.
Fi kliem Abela, “Il-miżuri li ħadna, kemm għall-benefiċċju tal-impriżi kif ukoll tal-investimenti fi spazji industrijali u fit-taħriġ tal-ħaddiema, jgawdu minnhom il-ħaddiema, għax joħolqu opportunitajiet ġodda għalihom. L-istess fejn jidħlu l-għajnuniet li ta l-Gvern lill-kumpaniji, li bihom jistgħu jtejbu l-likwidità tagħhom: għandhom impatt ukoll fuq il-ħaddiema għax ikomplu jipproteġu l-postijiet tax-xogħol u d-dħul tal-istess ħaddiema”.
Il-Ministru responsabbli mill-kundizzjonijiet tax-xogħol semma’ kif f’dan il-pjan il-Gvern ried:
- Ħdimna biex ma jingħatawx sensji u li l-ħaddiema jkollhom dħul diċneti. Kien għalhekk li l-Covid Wage Supplement se jibqa’ kif inhu sa Settembru.
- Li l-ħaddiema jifdallhom aktar flus fil-but. Għalhekk sar tnaqqis ta’ 7 ċenteżmi fuq kull litru fil-prezz tal-petrol u d-diżil, koppji li kellhom jipposponu t-tiġijiet tagħhom se jingħataw għajnuna u se jkompli jitjieb l-in-work benefit;
- Jistimula l-ekonomja imma fl-istess waqt jgħin lill-familji u l-ħaddiema. Għalhekk ser sar tnaqqix fir-rata tat-taxxa fuq boll fuq xiri ta’ propjeta u l-Gvern se jagħti rifużjoni tat-taxxa lil 210,000 ħaddiem li ħadmu tul l-2018;
- Jinvesti fil-potenzjal tal-ħaddiem u f’min iħaddem. Għalhekk ser jgħin b’taħriġ għall-ħaddiema.
Apparti hekk il-Ministru Abela għamel referenza għall-miżura ta’ vawċer ta’ 100 ewro għal kull persuna minn 16-il sena ’l fuq, li jista’ jintuża f’postijiet ta’ akkomodazzjoni liċenzjati, restoranti, jew negozju li kien għalaq. Hawn hu innota kif dan hu Gvern li flok jintaxxa qed jagħti l-flus lill-poplu biex jonfoq fil-prodott u s-suq lokali. Huwa semma’ wkoll żewġ inizjattivi oħra, dawk tar-rifużjoni tal-kontijiet tal-elettriku u s-sostenn fuq spejjeż tal-kera, li huma inizzjattivi li se jħallu aktar flus għand in-negozji li jkunu jistgħu jingħataw lill-ħaddiema.
Rigward il-perjodu tal-miżuri, il-Ministru Abela iċċara li miżuri bħal dawk tal-in-work benefit, it-tnaqqis fit-taxxa tal-boll, ir-roħs fil-petrol u d-diesel, l-investiment fl-infrastrttura industrijali u oħrajn se jmorru aktar minn Settembru. Fakar li apparti dan, f’Ottubu se jkun hemm il-baġit annwali li se jieħu ħsieb li l-Gvern ikompli jibni fuq dawn il-miżuri ekonomiċi, wara li ssir l-evalwazzjoni meħtieġa, kif dejjem saw f’kull fażi tal-pandemija.
Il-Ministru Abela għamel referenza għal ħidma konġunta permezz tad-djalogu soċjali b’saħħtu li dan il-Gvern tant jemmen bih. Qal kif fil-fatt tul il-ġimgħat li għaddew il-Ministeru li jmexxi issokta b’ konsultazzjoni ma taqta’ xejn, kemm fi ħdan il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali kif ukoll mal-korpi kostitwiti individwalment, inklużi wħud li m’humiex parti mill-MCESD. “Dħalna f’din l-imxija flimkien, u flimkien se noħorġu minnha”, sostna l-Ministru Abela.
Abela saħaq kif it-titjib u t-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huwa prinċipju bażiku ta’ dan il-Gvern. Mhux biss b’din l-injection ta’ €900 miljun, imma fakkar li bħalissa il-Gvern għaddej bl-implimentazzjoni tal-programm elettorali u tat-tielet baġit ta’ din l-amministrazzjoni, u dan mingħajr ma ġew introdotti taxxi, fejn lill-familji, il-ħaddiema u n-negozji, kuntratjament għal li kienu imdorrija fil-passat, ingħataw biss u ma ttieħdu xejn lura. Innota kif fl-aħħar jiem, huwa ħabar it-twettieq ta’ 76% tal-miżuri tal-programm elettorali (fl-intier jew miżuri avvanzati) fejn insibu diversi minnhom ffukati fuq il-ħaddiema. Fost dawn wieħed isib, it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-overtime, it-tnaqqis fl-income tax għal kulħadd, żieda fil-paga minima, ma titħallas l-ebda taxxa fuq il-paga minima, titjieb fil-kundizzjoniet tal-ħaddiema f’setturi u oqsma differenzi.
Fir-rimarki tal-konklużjoni il-Ministru Carmelo Abela sostna kif dan wassal biex dan il-Gvern kien kapaċi jsalva 100,000 impjieg; 100,000 persuna li baqgħet f’xogħol. “Dan hu Gvern li sema’ u finalment iddeċieda fl-interess nazzjonali inkluz il-ħaddiema”, ikkonkluda Abela.