Il-Kabinett b'deċiżjoni finali: Il-Presidenti tar-Repubblika se jibdew jinħatru biż-żewġ terzi

Il-Kabinett iddeċieda.  Minflok jiddeċiedi l-PM u l-ħatra tgħaddi b'maġġoranza sempliċi fil-Parlament, il-Presidenti tar-Repubblika li jmiss se jibdew ikunu maħturin b'żewġ terzi tad-Deputati Parlamentari

Il-President kurrenti George Vella wkoll approvat b'anonimità
Il-President kurrenti George Vella wkoll approvat b'anonimità

Il-gazzetta ILLUM tista' tiżvela li l-President tar-Repubblika li jmiss se jkun qed jinħatar biż-żewġ terzi tad-Deputati tal-Parlament Malti - għall-ewwel darba fl-istorja ta' Malta Repubblika - jiġifieri mill-1974.

Il-gazzetta ILLUM hija infurmata illi l-Kabinett ħa din id-deċiżjoni b'mod finali fil-ġranet li għaddew u bħala parti minn kullana ta' riformi li għadejjin bħalissa fil-qasam tal-governanza kif ukoll saltna tad-dritt.

Sal-lum kien il-Prim Minstru li jiddeċiedi lil min se jaħtar f'din l-ogħla kariga Kostituzzjonali, bil-vot dwar il-kandidat magħżul mill-Prim Ministru mbagħad imur quddiem il-Parlament fejn jgħaddi b'maġġoranza sempliċi (50%+1 - tad-Deputati preżenti)  

Is-sistema se taħdem biż-żewġ terzi - jiġifieri kieku bħalissa, bin-numru kurrenti ta' Deputati, il-persuna magħżula tkun teħtieġ 44 vot mis-67 Deputat biex tkun tista' tinħatar President tar-Repubblika.  Bħalissa kull ma teħtieġ persuna biex tinħatar President huwa 34 vot.
 Dan ikun ifisser li din il-kariga issa se jkun jeħtiġilha appoġġ miż-żewġ partiti biex tkun approvata - xi ħaġa li riċentement dejjem ġrat. Kien hemm każi iżda ta' Presidenti tar-Repubblika li ma kienx hemm qbil dwarhom.

Primarjament u l-aktar li qajmet kontroversja fl-aħħar snin kienet il-ħatra ta' Eddie Fenech Adami fl-2004 ftit biss wara li rriżenja minn Prim Ministru.  Il-Partit Laburista - l-avversajru ta' Fenech Adami għal 26 sena - ma qabilx u qal li din il-ħatra kienet wisq diviżiva.  Maż-żmien il-kontroversja iżda mietet, xi ftit jew wisq.

Ħatra oħra li dwarha ma kienx hemm qbil kien Ċensu Tabone - mill-ġdid ħatra li saret minn Gvern Nazzjonalista.  Dakinhar l-Oppożizzjoni Laburista kienet saħansitra għamlet bojkott.

Minn naħa l-oħra il-Gvern Nazzjonalista ta' Lawrence Gonzi kien l-ewwel Gvern li ħatar President mill-kamp politiku oppost, b'George Abela - missier il-Prim Ministru kurrenti. Fuq din il-ħatra qablu ż-żewġ partiti.

Kif kien hemm qbil ukoll fuq il-ħatra ta' Marie Louise Coleiro Preca minn Gvern Laburista ta' Joseph Muscat.  Anke l-ħatra tal-President kurrenti George Vella - mill-ġdid mill-eks PM Joseġh Muscat -  attirat l-appoġġ taż-żewġ partiti

Bil-bidliet approvati mill-Kabinett jekk ħatra tibqa' ma tgħaddix wara numru ta' votazzjonijiet fil-Parlament, il-Gvern xorta imbagħad iżomm il-jedd li jgħaddi l-ħatra b'maġġoranza sempliċi bħala mezz ta' żblokk.
 

More in Politika