L-ekonomija tibda tistenbaħ wara tumakka kbira! L-ILLUM titkellem man-negozji ...
Ħafna mill-miżuri issa bdew ikunu rilaxxati. Imma kif sejrin il-ħwienet? Kullimkien sejrin l-istess? Hemm min sejjer tajjeb? U min sejjer l-aktar ħażin? U l-hairdressers, kif marru?
minn Albert Gauci Cunningham
Jidher illi r-rota ekonomika sa fl-aħħar bdiet tiċċaqlaq, anke jekk bil-mod jew bil-mod wisq f'xi setturi, wara prattikament 13-il ġimgħa illi matulhom l-ekonomija kienet magħluqa bi ftit jew xejn attività. Din kienet esperjenza li setgħet faċilment waqqgħet lill-ekonomija minn fuq l-irdum u għalkemm ir-riskju għadu hemm, il-Baġit ta' nhar it-Tnejn - skont ħafna minn dawk li jirrapreżentaw lin-negozji - jidher illi kien imbuttatura qawwija 'il bogħod minn dak l-irdum.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' żewġ rappreżentanti ta' negozji - Philip Fenech u Andrew Agius Muscat, ma' żewġ sidien - Julian Micallef u Rudolf Grima - kif ukoll ma' żewġ sidien ta' ħwienet tax-xagħar li ppreferew jibqgħu anonimi.
'Qbadna rittmu, imma se jkollna bżonn it-turiżmu biex niġru'
Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM Philip Fenech li jmexxi t-taqsima tad-divertiment u Turiżmu fil-Kamra tal-SMEs, sostna illi fil-qasam tad-divertiment in-negozju qed jaqbad "bil-mod imma b'rittmu. Minn dawk li kellimna kien hemm saħansitra - anke jekk ftit - li rreġistraw bejgħ li huwa qrib in-normal."
Filwaqt li wera' pożittività għan-negozji fiż-żoni tal-Gżira, Tas Sliema, San Ġiljan/Paceville, Fenech iċċara illi mingħajr turiżmu xorta se jkun diffiċli ħafna li l-ekonomija taqbad tiġri. "Minkejja li x-xogħol huwa tajjeb f'pockets u minkejja miżuri tajbin mħabbrin din il-ġimgħa, fosthom dik tal-voucher, xorta se jkollna bżonn it-turiżmu," qal Fenech.
Huwa jagħmilha ċara illi għad hemm min għadu lura u fakkar illi l-ħwienet fiż-żoni li semma, flimkien huma parti mill-ekonomija, mhux l-ekonomija.
Huwa reġa sostna, kif kien qal diġa' mal-ILLUM, illi l-aktar negozji li qed jirreġistraw xogħol huma dawk popolari mal-Maltin, b'dawk li jiddependu ħafna mit-turisti jbatu.
Huwa elenka dawk in-negozji illi qed ikollom xogħol tajjeb, fosthom bars f'The Strand, Lidos u xi postijiet f'Paceville fejn din il-ġimgħa - kemm nhar il-Erbgħa u anke lbieraħ - komplew jiftħu aktar postijiet li huma popolari lokalment.
Huwa temm jaċċenna mal-ILLUM li minkejja kollox għadna 'il bogħod minn normalità u għad hemm ħafna xi jsir biex l-ekonomija tkun tassew qed iddur kif kienet għal kulħadd.
'Bidu kajman ħafna .. tal-kera mhux biżżejjed għall-ħwienet kbar'
Mal-ILLUM tkellem ukoll Julian Micallef, sid ta' ħwienet tal-ħwejjeġ madwar Malta. Huwa qal illi minn mindu fetħu l-ħwienet tal-ħwejjeġ, żraben u aċċessorji kien hemm żieda żgħira. "Kieku kelli nitfa' numru ngħid li żdidna 10% minn meta ftaħna. Jiġifieri qed ikollna bidu kajman ħafna u nemmen illi din hija s-sitwazzjoni ta' ħafna."
Micallef qal illi l-miżura tal-ħlas tal-kera lill-ħwienet hija tajba imma għal negozji li huma iżgħar. "Għal negozji żgħar, 50% tal-kera sa massimu ta' €2,500 hija tajba. Imma għidli int kif se tgħin għal ħafna ħwienet, f'postijet prominenti bħal Belt Valletta fejn hemm min għandu sa €400 kirja kuljum."
Huwa sostna illi filwaqt li l-Gvern għamel ħafna li huwa pożittiv fil-baġit ta' din il-ġimgħa, skontu, kien hemm ħafna informazzjoni li baqgħet mhux ċara jew spjegata.
'Kieku ma kienx għal-Wage Supplement kien ikolli nkeċċi lin-nies'
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma' Rudolf Grima, sid ta' negozju tal-ikel u x-xorb fin-naħa ta' barra tar-Rabat, Malta.
Huwa jibda billi jgħid ukoll illi l-bidu għan-negozji taż-żona, li jinkludu l-Imdina, għadu kajman ħafna u jagħti rendikont ta' ġimgħa. Jispjega kif matul il-ġimgħa n-negozju huwa kwiet immens u jqum xi ftit fi tmiem il-ġimgħa.
"Dan it-tmiem il-ġimgħa se jkun l-istess, bil-bookings ikunu l-aktar għall-Ġimgħa u s-Sibt. Pero jiena ma kontx qed nistenna li n-negozju se jirranka malajr," jgħid Grima mal-ILLUM.
Hu jgħid iżda illi l-baġit ta' nhar it-Tnejn u miżuri li ttieħdu mill-Gvern waqt il-pandemija kienu ta' għajnuna kbira għalih u għall-ħaddiema tiegħu. "Jiena grat ħafna tal-għajnuna mogħtija. L-għajnuna ta' €800 kienet tajba ħafna u kieku ma kienx għal din il-miżura kien ikolli nkeċċi lin-nies," jgħid Grima. Hu jgħid li anke l-għajnuna mħabbra nhar it-Tnejn kienet waħda tajba u li minnha hu se jibbenifika wkoll.
Dwar il-vouchers ta' €100 Rudolf Grima qal li dawn huma xi ħaġa tajba, għalkemm fakkar li ħadd mhu obbligat imur f'lokalità partikolari u allura l-effett għad irid ikun esperjenzat u ġġudikat.
"Pero dak tat-Tnejn kien pożittiv ħafna għan-negozji," jtemm jgħid dan is-sid.
Tax-xagħar: 'Bdejna tajjeb ħafna ... issa x-xogħol kwieta'
L-ILLUM tkellmet ma' żewġ sidien ta' negozju tax-xagħar, wieħed b'ħanut f'Birkirkara u ieħor f'San Pawl il-Baħar. Mingħajr ma jafu, it-tnejn kellhom l-istess analiżi tan-negozju.
Dak ta' Birkirkara qal illi ma jistax igerger bix-xogħol li kellu sa issa, għalkemm jgħid illi sal-Erbgħa x-xogħol din il-ġimgħa kien inqas mill-ewwel ġimagħtejn. "Ħafna klijenti ġew, oħrajn qaluli li għadhom qed jibżgħu u minn oħrajn ma smajt xejn."
Jgħid illi l-aktar li naqsu kienu l-klijenti rġiel, minħabba li ħafna qaxxru xagħrhom waqt il-lockdown u minħabba li għall-ewwel il-ħwienet tax-xagħar ma setgħux iqaxxru leħja. Minħabba li din inbidlet bdew deħlin ftit appuntamenti minn klijenti rġiel.
Ikompli jgħid illi numru ta' klijenti mhux qed imorru għax huma klawstrofobiċi u ma jifilħux iqattgħu tant ħin b'maskra. Ilmenta wkoll mal-ILLUM illi ma tagħmilx sens li ħanut tax-xagħar ma jistax imqar joffri kafè jew tazza ilma lill-klijenti tiegħu waqt li jagħmlu ħinhom jistennew - meta kemm jaqsmu faċċata jistgħu jagħmlu dan f'kafetterija.
Is-sid tal-ħanut f'San Pawl il-Baħar qal ukoll illi kellu bidu tajjeb ħafna, imma naqas. "Fl-ewwel ġimgħa kellna ħafna xogħol. Imma issa qegħdin kwieti ħafna."
'Issa rridu naraw ir-reazzjoni tan-nies meta jiftaħ l-ajruport ... '
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat fakkar illi dan ta' din il-ġimgħa ma kienx baġit bħal tas-soltu - "mhux inċentiv biex tikber imma inċentiv biex issalva."
Huwa rrikonoxxa illi l-messaġġ tal-Gvern kien wieħed li qed juri illi mhux iħalli l-operaturi waħedhom, imma qed jgħin.
"Issa rridu naraw kif se niġu fuq saqajna u nkunu sostenibbli waħedna," qal Agius Muscat li jgħid illi ladarba l-kurituri siguri ma' pajjiżi jiftħu wieħed ikun jista' jara kif se tkun ir-reazzjoni. Fakkar li wieħed irid jara kemm se jkun hemm nies li jieħdu r-riskju u jsiefru u kemm hemm nies li finanzjarjament jifilħu jħallsu biex isiefru.
Jerġa jfakkar, kif għamel drabi qabel ma' din il-gazzetta, illi dan mhux swiċċ u ħadd ma jista jippretendi li se nixgħeluh u jerġa jkollna it-2.6 miljun turist li kien qed ikollna qabel faqqgħet il-pandemija.
Fakkar illi se jkun hawn kompetizzjoni kbira fost id-destinazzjonijiet u fakkar ukoll li bħalissa qed isir taħriġ tal-ħaddiema biex dan iż-żmien jintuża biex jittejjeb il-prodott.