Analiżi | Fil-firda s-saltna - Il-ħaddiema Maltin, l-immigrazzjoni u x-xogħol

Id-diviżjoni bejn il-ħaddiema barranin u Maltin huwa suġġett li ftit jiġi diskuss razzjonalment.  Imma fil-verità, hemm daqstant differenza bejn il-Malti tal-lum u tal-bieraħ u l-ħaddiem immigrant illum? Il-Professur Carmel Borg u Dr Joe Gravina - żewġ letturi fl-Università ta’ Malta li jħarsu lejn fenomeni politiko-soċjali b’lenti interdixxiplinarja - janalizzaw.

Malta, bħall-Greċja u Spanja, tagħmel parti mill-fruntiera ġeo-politika tal-Unjoni Ewropea.  Dan il-fatt ġeografiku għandu mpatt dirett fuq il-politika, l-ekonomija, il-kultura u l-psiki ta’ poplu bi stejjer ta’ invażjonijiet, kolonjaliżmu, neo-kolonjaliżmi u gwerer imdemma.  M’hemmx dubju li meta l-ġeografija tal-immigrant,  il-ftit li ħafna minna nafu dwarha, tiltaqa’ mal-memorja kollettiva, x’aktarx mimlija toqob, amneżiji parzjali, folklor u miti, is-sinteżi hija sikwit mċajpra bid-dubji, il-biżgħat, is-suspetti, il-preġudizzji u r-razziżmi.  Id-diskussjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-ħaddiem Malti u dak immigrant, is-suġġett ta’ dan l-artiklu, rari tkun razzjonali, u sikwit tinġarr mill-istint tal-merħla li huwa ferm aktar b’saħħtu mill-analiżi tan-nagħġa eretika meqjusa bħala mitlufa. Ħafna drabi, id-diskussjoni ma tibdiex, u meta tibda x’aktarx kulħadd jibqa’ b’li ħa.  L-argument tagħna huwa li meta l-kuxjenza soċjali nħalluha tinfurmana, nibdew nintebħu li ħafna mill-ħaddiema, Maltin u m’humiex, qegħdin fl-istess xini tat-tagħbija, jaqdfu għal sidhom.  

Fl-Awtobijografija ta' Dom Mintoff

Fl-awtobiografija tiegħu, Dom Mintoff jirrakkonta kif xogħol nannuh kien li jħott l-ixkejjer tal-faħam li kienu jaslu  minn Newcastle fl-istivi tal-vapuri.  Ġanni kien jifforma parti minn armata sħiħa ta’ Maltin li kienu jinżlu x-xatt bit-tama li jaqalgħu l-loqma mill-ġarr ta’ materja prima strateġika għal dwir ir-rota kapitalista.  Ix-xena li jiddeskrivi Mintoff hija importanti biex nifhmu post il-ħaddiem fl-akkumulazzjoni tal-ġid: ''Hekk kif il-bastiment tal-faħam jintlemaħ dieħel fil-Port il-Kbir, l-aġent lokali kien minnufih jirkeb karozzin u jinżel jiġri mill-uffiċċju tiegħu tal-Belt għall-Menqa.  Hemmhekk kien isib tistennieh folla mdaqqsa ta’ rġiel ħafja u mibnija, aktarx mċerċra – donnhom qatta ġriewi jingħu għal sider ommhom – żgħażagħ Żwieten, Ħamruniżi, Żebbuġin ma’ oħrajn mill-Gudja li kienu jimxuha sal-mollijiet minn dawn l-irħula mbegħdin fejn id-daqs ċkejken tar-raba’ bil-qbiela…kienet ħalliethom sajmin minn xogħol tal-post sura ta’ nies u ta’ ħafna inqas tbatija.

Dan ir-rakkont, li nsibu f’paġni 18-19 tal-ktieb ‘Mintoff, Malta, Mediterra: Żgħożiti’, huwa ġabra ta’ osservazzjonijiet soċjo-storiċi b’implikazzjonijiet għad-dinja globalizzata ta’ llum.  F’din is-silta naraw kif il-faqar strutturali, li fi żmien ir-rakkont ta’ Mintoff kellu għeruqu fl-illitteriżmu, id-daqs ċkejken tar-raba’, in-nuqqas ta’ xogħol produttiv u l-kobor tal-familja, fost fatturi oħra, offra l-ambjent ekonomiku ideali għall-esplojtazzjoni tal-ħaddiema Maltin tal-irħula. 

L-awtobijografija ta' Dom Mintoff
L-awtobijografija ta' Dom Mintoff

B’faqar taqtgħu b’sikkina u familji li b’ubbidjenza kienu jferraw l-ulied b’ritmu industrijali, il-ħaddiema fuq l-blata fortizza kienu l-ħafna filwaqt li l-ħsad kien ftit; formola ekonomika perfetta għall-isfruttament ta’ għaraq il-ħaddiem mill-imperjalisti globali  u mill-protokapitalisti li servewhom u li stagħnew mill-mikro-ekonomija lokali ta’ dak iż-żmien.  Kien hemm min, fi żmien Ġanni,  ħarab minn din ir-realtà ekonomika.  Fl-ewwel diċenji tas-seklu għoxrin, ħafna minnhom sabu ruħhom sfruttati mill-ġdid mill-agro- u l-moto-kapitalisti, jaqtgħu l-kannamieli jew jisagħru maċ-ċinturin tal-produzzjoni tal-karozzi.  Magħrufin fl-Awstralja ta’ dak iż-żmien bħala t-‘theddida s-sewda’, il-ħaddiema Maltin qdew lis-sidien tal-produzzjoni f’kuntesti mifnija bir-razziżmu. 

 'Mela jien iswed?'

F’Malta ta’ llum, ir-rakkont ta’ Mintoff għandu valur fl-analiżi ta’ ekonomija li baqgħet tgħożż l-istess prinċipji predatorji ta’ żmien nannet id-‘Dumink’.  Qrib l-istess inħawi, l-immigranti jinġabru kuljum bit-tama li sid xi vann jew trakk, fi bżonn ta’ par idejn sodi u spallejn u dahar li jifilħu, jagħżilhom u jgħabbihom għal ġurnata xogħol, bi ħlas fuq l-idejn.  Xejn organizzat bħalma kien imwiegħed darba minn Jobsplus.  Kollox spontanju, u ġisem il-bniedem u dak kollu li kapaċi jsefter bih huwa negozzjabbli.  Bħall-ħaddiema tax-xatt fi żmien Ġanni, dak li jiġi għal idejhom jagħmluh.  Pinġuti għal min irid jagħmel stimi kompetittivi f’żona ekonomika fejn għal kull għadma hawn elf kelb.  Fl-era tal-gass, l-ixkejjer tal-faħam waqqfu jagħtu l-loqma lill-ħaddiema ddisprati.  Issa hemm il-kċejjen, il-lantijiet tax-xogħol tal-kostruzzjoni u nħawi oħra fejn, preferibbilment ‘il bogħod mill-għajn, jistgħu jitkabbru u jinħbew il-profitti, filwaqt li titkompla l-kampanja razzista fuq skala nazzjonali.  L-espressjoni razzista ‘mela jien iswed’ ħadet sura differenti hekk kif illum saret l-innu mhux uffiċjali ta’ ħafna ħaddiema Maltin, prekarji u mhumiex, li b’kuxjenza falza  jaħsbu li l-keffa ekonomika tagħhom hija differenti minn dik tal-Marsi, Qormi jew Ħamruniż immigrant. 

Il-qagħda soċjo ekonomika ta' ħafna Maltin mhix 'il bogħod minn ta' ħafna immigranti

L-eluf ta’ ħaddiema Maltin, li jgħixu mill-id għall-ħalq, minn paga għal oħra, jaħdmu u fqar, viċin tal-linja tal-faqar, li jiddejnu fuq l-idejn biex jagħmlu dak li hu bażiku jew xi kapriċċ żgħir, li jilagħbuhom bit-tama li xi darba tiġihom tajba u jinfdew mill-ħajja miżera li qegħdin jgħixu, li jqisu mitt darba qabel ma jonfqu darba, li jaħdmu żewġ xiftijiet jew żewġ xogħlijiet biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar, li jaħdmu b’kuntratt u ma jafux x’se jiġri wara li jiskadi, li jaħdmu biss part-time, li jgħixu f’garaxx jew f’kundizzjonijiet mhux xierqa, li ħafna drabi jkollhom jagħżlu bejn ikel u ħwejjeġ tal-iskola għall-ulied, li kellhom jieqfu mix-xogħol minħabba mard jew diżabilità, li uliedhom m’għandhomx aċċess għat-teknoloġija tal-informatika, li uliedhom jintemgħu mill-Gvern, li jekk imur il-forn jinqala’ paniku fil-familja, dawk li huma dipendenti fuq il-bank tal-ikel jew il-kċina tas-soppa, dawk li jiġru minn xelter għal ieħor jew kirja għal oħra, dawk li jgħixu mal-ġenituri tagħhom, qajla jindunaw li d-dgħajsa soċjo-ekonomika tagħhom mhix differenti minn dik tal-immigrant.    

Il-ħolqien tal-kategorija ‘immigrant ekonomiku’, speċjalment jekk magħquda ma’ kliem bħal ‘klandestin’, ‘irregolari’ jew ‘mhux Ewropew’, hija artifiċjali daqskemm hija perikoluża u diviżorja,  għax toħloq it-twemmin falz li hemm kategorija oħra, inferjuri għall-ħaddiema Maltin, u toħloq atmosfera ta’ konflitt meta s-solidarjetà lokali u internazzjonali  hija tant meħtieġa għall-emanċipazzjoni tal-istess ħaddiema, f’mument imwiegħer għall-klassi tal-ħaddiema.   F’dan il-konflitt, l-istat ġeneralment jiġbed fid-direzzjoni ta’ min jivvota, u għandu t-tendenza li jsir anti-stat fil-konfront ta’ min mhuwiex meqjus bħala ċittadin tal-pajjiż.  U hekk jikber id-distakk bejn l-‘aħna’ l-ħaddiema Maltin, prekarji iżda aljenati mir-retorika populista u minn loqom statali li jagħmel tajjeb għall-kompettitività tal-privat, u l-ħaddiema l-‘oħrajn’, il-prekarji barranin li m’humiex aħna, dawk il-qasab li jixxejru mar-riħ, esposti għar-riefni tal-ħajja mingħajr il-protezzjoni meħtieġa. 
Ix-xogħol huwa wieħed mill-attivitajiet umani b’kontenut, retorika u azzjonijiet diviżivi.  Skwit intuża għal għanijiet populisti, biex jimmobilizza lill-popli; lill-ħaddiema kontra xulxin.   Għax il-mexxejja għandhom bżonn il-massa, il-kliem u s-sentimenti ta’ poplu, il-bażi tal-poter, sikwit isibu ruħhom leġittimizzati mill-istat, f’diskorsi pubbliċi, indirizzi lin-nazzjon, u deċiżjonijiet li jmermru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jġibu fix-xejn il-firem fuq konvenzjonijiet u trattati internazzjonali.  

Il-bżonn li l-ħaddiem jidentifika mal-istat jispjega ghaliex il-glieda tal-klassi   sikwit tingħata identità razzjali - il-ħaddiem Afrikan li se jħassrilna l-kultura jew jeqerdilna d-drawwiet tagħna.   Drabi oħra, u din rajniha bi kbir fil-kriżi finanzjarja tal-2008, il-ġlieda ħadet xejra soċjali - il-ħaddiem għażżien u evażur tat-taxxa Grieg li se jaħlilna r-riżorsi.  Xejn ġdid għal min jaf l-istorja tal-klassi tal-ħaddiema sew.  Fl-istorja riċenti Brexit tibqa’ l-akbar mobilizazzjoni ta’ ħaddiema kontra ħuthom il-ħaddiema.  Mobilizazzjoni li minna l-ħaddiem ħareġ tellief.   

 

More in Politika