Schembri jgħid li kien Joseph Muscat li talbu jwissi lil Yorgen biex ma jitlaqx minn Malta
Keith Schembri qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech
minn Yendrick Cioffi
Illum l-eks Chief of Staff ta' Kastilja, Keith Schembri, kien il-Qorti fejn xehed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Preżenti fl-Awla Numru 9, ippakkjata bin-nies, kien hemm ukoll Neville Gafà u anke Kenneth Camilleri, l-eks uffiċjal tas-Sigurtà ta' Joseph Muscat li skont Melvin Theuma kien imur għandu jwassalu l-messaġġi ta' Schembri.
Il-punti ewlenin mix-xhieda ta' Schembri:
- Schembri għadu taħt investigazzjoni ... meqjus bħala 'persuna ta' interess'
- Is-sena li għaddiet Fenech għamel disa' xhur imsiefer
- Apparti 17 Black ... l-ebda negozju ieħor ma' Yorgen
- Weħilt mas-siġġu meta smajt li qatlu lil Daphne
- 'Delia kien jibgħat lil Pierre Portelli jiġbor il-flus mingħand Fenech biex Casa ma jkunx elett'
- Keith jisħaq li ma jafx lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat
- Kien Joseph Muscat li lejlet l-arrest talab lil Keith Schembri jwissi lil Yorgen biex ma jitlaq minn Malta
Schembri għadu taħt investigazzjoni
L-Avukat ta' Keith Schembri, Edwin Gatt, saħaq li l-klijent tiegħu qiegħed il-Qorti biex jixhed.
"Kien arrestat u mistoqsi mill-Pulizija. Sal-ġimgħa li għaddiet staqsejna lill-Pulizija jekk għadux taħt investigazzjoni. Qalulna li l-Pulizija għadha qed tanalizza d-data," insista Gatt.
L-Ispettur Keith Arnaud saħaq li t-task force ilha taħdem mill-2017 u l-ħidma tagħha żdiedt aktar min-Novembru li għadda. Fi kliemu hemm ħafna informazzjoni x'wieħed janalizza u din l-analiżi għadha għaddejja.
Schembri huwa 'persuna ta' interess'
Il-Maġistrat Rachel Montebello saħqet li jekk Schembri huwa trattat bħala suspettat, għadu dritt li jibqa' sieket.
Arnaud saħaq li qatt ma kienet l-idea tiegħu li jtellgħu jixhed illum. "Ma nistax ngħid li ma għadux persuna ta' interess," insista Arnaud.
L-Avukat ta' Schembri qabeż u wieġeb: "Imma qed jarmu 'l hemm id-drittijiet tax-xhud."
Arnaud spjega li l-intenzjoni tal-Pulizija kienet li x-xhieda ta' persuna li huma ta' interess, titħalla għall-aħħar.
Min-naħa tiegħu, it-tim legali ta' Yorgen Fenech insista li mhuwiex ġust li x-xhieda ta' Schembri tibqa' tkun posposta għax hekk id-difiża mhux se jkollha biżżejjed ċans biex tistaqsih.
Schembri jiddeskrivi lil Fenech bħala ħabib tal-qalb
Keith Schembri jisħaq mal-Qorti li hu jrid jixhed u wara li ħa l-ġurament beda jispjega kif ilu ħafna ħabib ta' Yorgen Fenech. Kienu ħbieb ħafna minn meta kellhom 16-il sena, tbiegħdu xi ftit u reġgħu saru ħbieb kbar fl-2010.
"Ikun hemm persuni li taqbel magħhom. Kien persuna umli u li malajr tmur tajjeb miegħu. Diffiċli tispjega ċertu affarijiet," insista Schembri.
Fenech għamel disa' xhur imsiefer
Schembri kompla jixhed kif hu qatt ma kellu negozju ma' Fenech. Insista li negozjanti, politiċi u anke uffiċjali tal-Pulizija kienu jmorru ta' spiss fil-farmhouse ta' Fenech.
"Illum il-ħbiberija tagħna nbidlet," saħaq Schembri. Fi kliemu, qabel Novembru li għadda, Fenech kien qed isiefer ħafna u kienu jagħmlu xhur ma jitkellmux.
"Xi drabi lanqas kien jirrispondini. Imma kellu vizzju jagħmel hekk. Is-sena li għaddiet għamel xi disa' xhur imsiefer," saħaq Schembri.
"Qatt ma qalli għaliex kien qed isiefer daqshekk. Inqata' mill-ħbieb. Jista' jkun kellu xi kundizzjoni tas-saħħa iżda qatt ma qalilna," insista Schembri.
'Weġġajt meta kitbet dwar il-kanċer'
Schembri jkun mistoqsi minn Arnaud dwar il-blogg ta' Daphne Caruana Galizia. Schembri saħaq li għal bidu, meta kien għadu dieħel fil-ħajja pubblika, kien jiddejjaq iżda mbagħad beda jidra.
Insista li weġġa' ħafna meta kitbet dwar il-kanċer u meta t-tifla tiegħu marret tistaqsih jekk hux se jmut.
'L-ebda negozju ieħor ma' Yorgen Fenech'
Schembri jkun mistoqsi dwar il-kumpanija 17 Black.
Keith Schembri kompla jixhed kif wara l-2013, tliet persuni qalulu li l-Partit Nazzjonalista kellu aċċess għal informazzjoni dwar it-trust tiegħu fi New Zealand.
"Sempliċiment għax kont Keith Schembri ma jfissirx li l-affari tiegħi kollha kellhom jispiċċaw fil-midja," insista.
Saħaq li kien ingħata parir li jkollu 'target company.' Fi kliemu, din kellha tkun struttura temporanja. "Yorgen Fenech kien ħabib tiegħi. Kien wieħed mill-aktar negozjanti stmati f'Malta. Kienet xi ħaġa prestiġġjuża li tagħmel negozju miegħu. Iżda ma kien hemm l-ebda negozju ieħor miegħu," insista.
Anke jekk ammetta li kien jaf li 17 Black kienet ta' Yorgen Fenech, insista li l-pjan kien li jagħmel negozju ma' Fenech wara li jtemm il-karriera tiegħu fil-politika.
'Weħilt mas-siġġu meta smajt li qatlu lil Daphne'
L-attenzjoni ddur fuq l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Qal li kien Kastilja ma' Joseph Muscat u Kurt Farrugia meta ċempel il-Kap Eżekuttiv ta' Mater Dei jinfurmahom li seħħet splużjoni f'Burmarrad.
Schembri qal li Muscat ċempel mill-ewwel lil missieru għax kellu fabbrika tan-nar viċin. Ftit wara reġa' ċempel it-telefown u infurmawhom li kien hemm splużjoni u li l-vittma x'aktarx li kienet Caruana Galizia.
"Minkejja dak kollu li ntqal fil-midja, immedjatament ċempilt uffiċjal mill-ambaxxata Amerikana u għidtilhom li x'aktarx se jkollna bżonn l-għajnuna tagħhom," kompla Keith. Fi kliemu, weħel mas-siġġu meta sema' bl-aħbar.
'Bdejt naħseb ... għalhekk Melvin ried ritratt'
Kompla jixhed dwar Melvin Theuma. Qal li ltaqa' miegħu darbtejn. Darba minnhom f'Kastilja. Qal li ma setax jiftakar id-data iżda kien ftit wara li temm il-kura għall-kanċer.
"Bis-saħħa tal-COVID-19 kelli ċans naħseb. Illum ninsab konvint li ħadd ma bagħat lil Theuma Kastilja," insista.
"Ġie l-uffiċċju tiegħi għal xogħol. Tkellimna ftit u mbagħad għaddejtu għand ħaddieħor. Staqsini jekk nistgħux nieħdu ritratt. Ried ritratt quddiem frame li kelli mal-Prim Ministru biex jagħtih lil ommu," saħaq Schembri.
"Dak kollox. Dik kienet l-aħħar darba li smajt dwaru. Ma kontx naf jekk ħax l-impjieg. Ma kontx infurmat. Ma għamilt l-ebda rakkomandazzjoni għax-xogħol. Sempliċiment għaddejtu lill-customer care," kompla jixhed.
Fi kliemu, meta Theuma ġie arrestat, fehem għaliex ried dak ir-ritratt u poġġih ma' kopja tal-kuntratt, USB sticks u ittra li għadda lill-Pulizija.
"Naħseb għalhekk ried ir-ritratt," insista.
'Delia kien jibgħat lil Pierre Portelli jiġbor il-flus mingħand Fenech biex Casa ma jkunx elett'
Ikompli jixhed u din id-darba jisħaq kif politiċi kienu jżuru l-farmhouse ta' Fenech regolarment.
"Qabel dan kollu, Fenech kien stmat ħafna ... Fenech qalli li politiċi kienu jmorru għandu, jieklu miegħu, jitilqu fis-sakra u wara jitolbuh il-flus." insista Fenech.
"Il-Kap tal-Oppożizzjoni darba mar u talbu €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta' Casa. Kien jibgħat lil Pierre Portelli biex jiġbor €20,000 kull xahar. Dan seħħ fuq bażi regolari. Ġieli stennew għal siegħa biex jieħdu l-flus," kompla Schembri.
Fi kliemu, Portelli kien deher fir-reception ta' Portomaso qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019.
F'affidavit ġuramentat quddiem il-Qorti, Adrian Delia ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.
Keith jisħaq li ma jafx lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat
L-Ispettur Keith Arnaud jistaqsih dwar Kenneth Camilleri, l-eks uffiċjal tas-Sigurtà ta' Joseph Muscat. Schembri jisħaq li qatt ma ddiskuta miegħu lil Melvin Theuma u li lanqas Yorgen Fenech ma kien jafu.
Huwa ċaħad kategorikament li jaf lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat, it-tliet irġiel li poġġew u attivaw il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia.
Schembri insista li ma kellu xejn x'jaqsam mat-talbiet jew flus imwiegħda għall-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio. Fi kliemu, allegazzjonijiet bħal dawn huma tad-daħk.
Aktar tard ċaħad ukoll li kien tkellem mal-Imħallef Antonio Mizzi dwar il-ħelsien mill-arrest tat-tliet irġiel, kif qal Fenech f'wieħed mir-recordings.
Fenech qatt ma qalli xejn dwar il-qtil
Arnaud jistaqsih dwar recording minnhom fejn Fenech jgħid lil Theuma li hu kien tkellem ma' Schembri dwar il-ħelsien mill-arrest.
Fenech jiċħad u jisħaq li hemm ħafna konfużjoni u "bluff" fir-recordings.
"Fenech qatt ma qallu li wettaq dan il-qtil. Qatt ma semma xejn dwar il-qtil. Qatt, qatt!" insista quddiem il-Qorti l-eks Chief of Staff.
Schembri jikkonferma li kien jaf meta se jsiru r-rejds
Keith Schembri xehed kif kien hemm tliet drabi meta ntalab joħroġ mil-laqgħat li kienu qed jiddiskuti l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Ikkonferma li kien preżenti għal-laqgħa meta l-Prim Ministru kien infurmat li Vince Muscat kien qed jagħti dettalji.
Waqt li insista li ma kienx ikun preżenti għal-laqgħat l-aktar importanti, saħaq li kien preżenti meta Kastilja kienet infurmata dwar id-data meta kellu jsir ir-rejd fuq is-suspettati u anke meta kellu jkun arrestat Melvin Theuma.
Minkejja dan huwa ċaħad li għadda din l-informazzjoni lil terzi persuni. Fi kliemu, il-MaltaToday kienet infurmata li kemm hemm rejd ippjanat.
"Saviour Balzan qalli li kien imissni għidtlu dwar ir-rejd. Ippretenda li nagħtih din l-informazzjoni," saħaq Schembri.
Aqra wkoll: Saviour Balzan jiċħad dak li allega dwaru Keith Schembri
'Iva nidħol fin-nar għalih ... imma mhux f'dan il-każ'
Schembri jiġi muri l-ittra li fiha Melvin Theuma jikteb li hu u Yorgen Fenech ordnawlu joqtol lil Daphne Caruana Galizia.
"Niċħad kategorikament. Qatt ma kont naf dwar din l-ittra," insista.
Kompla jisħaq li hu qatt ma tkellem ma' Fenech dwar dan il-każ, anke jekk kien ikun ħafna għandu.
Arnaud jistaqsih u jfakkru li f'wieħed mir-recordings, Yorgen Fenech jinstema' jgħid li hu lest jidħol fin-nar għalih.
"Vera nidħol fin-nar għal Yorgen imma mhux f'dan il-każ," insista Keith Schembri.
L-ittra li waslet għand Yorgen ...
Id-diskors idur fuq l-ittra li kienet waslet għand Yorgen Fenech waqt li kien qiegħed fuq police bail u li kienet tagħtih struzzjonijiet biex jitfa' l-ħtija fuq Chris Cardona.
Minkejja dak li t-tabib Adrian Vella qal lill-Pulizija, Schembri insista li mhux hu kiteb dik l-ittra u lanqas ma kien hu li taha lit-tabib biex jagħtiha lil Fenech.
"Assolutament mhux vera," insista Schembri meta baqa' jkun magħfus bil-mistoqsijiet dwar jekk hux minnu li għadda l-ittra lit-tabib biex jagħtiha lil Fenech.
Għaliex Schembri kkuntattja lil Fenech lejlet l-arrest?
L-attenzjoni ddur fuq il-kuntatti li Schembri għamel ma' Fenech lejlet l-arrest.
Fenech bagħtlu messaġġ dwar artiklu li kien jgħid kif Theuma (l-intermedjarju) kellu jirċievi l-maħfra presidenzjali.
Skont Fenech, Schembri bagħtu messaġġ u qallu: "It-Times qiegħdin warajna."
"Illum naf li qal hekk minħabba messaġġ li rċieva mingħand l-eks ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Camilleri," insista Schembri.
Ikkonferma dak li kien qal xhur ilu meta xehed f'każ kostituzzjonali miftuħ mill-istess Fenech, jiġifieri li hu ċempel lil Yorgen Fenech u dam ikellmu madwar 24 minuta. Fi kliemu, kien intalab jagħmel dan. Ikkonferma li qallu li mhux għaqli jitlaq minn Malta.
"Titlaqx. Tpoġġix l-attenzjoni aktar fuqek," Schembri wissa lil Fenech.
Schembri qal li Fenech spjegalu li kien ħa pariri mingħand l-Avukati tiegħu u qalulu li seta' jieħu l-jott l-Italja.
Muscat qal lil Schembri biex iċempel lil Yorgen
L-Ispettur Keith Arnaud staqsa lil Keith Schembri min kien qallu li Fenech kien se jħalli lil Malta.
Magħfus biex jgħid minn qallu, Schembri qal li kien Joseph Muscat li qallu biex jitkellem ma' Yorgen Fenech u jgħidlu biex ma jħallix Malta.
Il-Maġistrat staqsietu: "U l-Prim Ministru kif kien jaf? Min qallu?"
Schembri qal li ma staqsihx.
Tintemm għal-lum ix-xhieda ta' Keith Schembri
Għal-lum tintemm hawn ix-xhieda ta' Keith Schembri.
Darb'oħra Schembri jerġa' jitla' jixhed, din id-darba biex ikun mistoqsi mit-tim legali ta' Yorgen Fenech.
X'intqal minn Melvin Theuma dwar Keith Schembri?
Schembri kien xehed fil-każ kostituzzjonali miftuħ mill-istess Fenech biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni iżda llum se tkun l-ewwel darba li Schembri se jixhed direttament fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia li spiċċa implikat fih.
Keith Schembri hu deskritt minn Melvin Theuma, l-intermedjarju, bħala dak li flimkien mal-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta, kien qed jinforma lil Yorgen Fenech dwar l-investigazzjoni.
L-eks Chief of Staff stess kien qal li lejlet li Fenech inqabad iħalli l-pajjiż, kien ċempillu u għamel ħin jitkellem miegħu fejn saħansitra staqsih jekk jaħsibx li kienet idea tajba li jħalli lil Malta, fid-dawl tal-fatt li l-investigaturi kienu ilhom isegwu l-passi tiegħu.
Schembri kien qal dan meta xehed fil-każ Kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
Schembri mistenni jkun mistoqsi wkoll dwar il-famuż mowbajl "li tilef" sigħat biss wara li kien mar tard filgħaxija għand Joseph Muscat, dak iż-żmien Prim Ministru u anke dwar l-ittra li allegatament waslet mingħandu għand Yorgen Fenech u li kienet titfa' l-ħtija tal-assassinju fuq Chris Cardona.
Mistennija wkoll diversi mistoqsijiet dwar il-famuż "impjieg fantażma" li Melvin Theuma kien ingħata wara li kellu laqgħa miegħu f'Kastilja.
Isem Keith Schembri jidher ukoll f'ittra li Melvin Theuma kien kiteb u poġġa f'kaxxa flimkien mar-recordings li huma fiċ-ċentru ta' din il-kumpilazzjoni. F'din l-ittra, Melvin Theuma jniżżel lil Schembri ma' Fenech bħala mandant tal-qtil u jgħid li kien qed jibża' li t-tnejn li huma kienu qed jipprovaw jeħilsu minnu.
Madanakollu, Theuma stess qal ukoll li hu qatt ma tkellem direttament ma' Keith Schembri dwar l-assassinju iżda wasal hu għal din il-konklużjoni minn dak li kien jgħidlu Yorgen Fenech. Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, Theuma stess qal li "taħt ġurament" ma jistax jimplika lil Keith Schembri.
Aqra wkoll:
Keith Schembri qed ikun investigat fuq 'omiċidju, tbagħbis ta' evidenza u reati oħra'
Keith, ‘l-oħxon,’ ‘ix-xiħ,’ u Cardona. Min jissemma fir-recordings ta’ Melvin u Yorgen?
Keith Schembri jgħid lill-Pulizija li tilef il-mowbajl
Yorgen kien ħiereġ bil-jott ... Schembri jgħidlu: 'taħseb li dan mument opportun?'