L-okkupanza fil-lukandi Għawdxin hija ta’ madwar 35% … kważi vojta fost il-ġimgħa
‘Allaħares qatt ikollna nerġgħu ndaħħlu l-miżuri’ … Joe Muscat mill-GTA jisħaq mal-ILLUM li s-settur huwa reżiljenti iżda hemm limitu.
minn Yendrick Cioffi
Anke jekk l-ajruport huwa magħluq, il-Maltin bdew xi ftit jew wisq idawru r-rota fl-akkomodazzjonijiet turistiċi Għawdxin hekk kif ġimgħa wara l-oħra qed jiżdiedu dawk li qed jaqsmu l-fliegu biex iqattgħu btala ta’ ftit jiem fil-Gżira Għawdxija. Madanakollu, l-appell tal-lukandiera u s-sidien ta’ stabbilimenti turistiċi huwa li jkun hemm pjan fit-tul għas-settur turistiku.
Qal dan mal-gazzetta ILLUM il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat li jidher ottimist li t-turiżmu domestiku ftit ftit beda jagħti r-ruħ lill-akkomodazzjonijiet turistiċi u anke stabbilimenti oħra bħar-ristoranti.
“Bdejna bil-mod fil-weekend tal-4 ta’ Mejju u ftit ftit kull tmiem il-ġimgħa qed iżid. Ir-ristoranti wkoll qed iżiedu. Ovvjament mhux qed jilħqu l-livelli li kellhom fl-2019, kemm għax ma hawnx turisti barranin u anke għax ix-xogħol tagħhom huwa kkonċentrat mill-Ġimgħa sal-Ħadd,” saħaq Muscat.
Fil-fatt, fi kliemu, matul il-ġimgħa qed ikun hemm min lanqas biss qed jopera.
“Fost l-Għawdxin għad ma hemmx biżżejjed kunfidenza li jiffrekwentaw dawn l-istabbilimenti tal-ikel. Qed niddependu totalment fuq il-Maltin,” saħaq Muscat.
Il-farmhouses sejrin aħjar mil-lukandi
Tkellimna aktar fid-dettall dwar l-akkomodazzjoni. Muscat spjega kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, għall-ewwel darba wara ġimgħat, il-lukandi kollha Għawdxin kienu miftuħa, ħlief waħda li qed isirulha xi xogħlijiet.
“L-okkupanza tagħhom hija ta’ bejn 35% u 40%,” spjega Muscat.
Mistoqsi kif iħares lejn dawn iċ-ċifri, Muscat saħaq li meta wieħed iqis li ma hawnx turisti, l-andament “mhuwiex ħażin,” iżda saħaq li mit-Tnejn sal-Ħamis il-lukandi qed ikunu kważi jekk mhux vojta.
Mill-banda l-oħra, fi kliem Muscat, is-settur tal-farmhouses huwa aktar movumentat, bil-weekend tal-Imnarja jidher li hemm ħafna domanda għalih.
‘Ħafna bookings jinsabu on-hold’
L-ILLUM staqsiet lil Muscat x’indikazzjonijiet għandhom għat-tliet xhur tas-sajf mill-bookings, kemm fil-lukandi u anke fil-farmhouses u akkomodazzjonijiet oħra.
“Nittamaw li l-affarijiet jiċċaraw għax għandna ħafna bookings li jinsabu on-hold, għax huma bbukkjati mill-barranin,” spjega Muscat. “Aħna l-akbar suq tagħna huwa l-Ingilterra. Suppost mill-15 ta’ Lulju se jinfetħu d-destinazzjonijiet kollha. Dik se tgħin lis-settur biex jikkonferma l-bookings u l-operaturi jkunu jistgħu jwieġbu għad-domanda mill-Maltin.”
Fil-fatt, Muscat tenna dak li saħaq ġimgħat ilu mal-ILLUM, jiġifieri li kemm il-lukandi u anke s-sidien tal-farmhouses qed ikollhom jirrifjutaw bookings mill-Maltin għax id-dati li jkunu jixtiequ jkunu meħuda mit-turisti li għadhom ma jafux hux se jkunu jistgħu jiġu Malta.
Tal-farmhouses qed isegwu protokolli?
Morna lura għall-farmhouses, bl-ILLUM tistaqsi lil Muscat x’passi qed jittieħdu f’dawn l-akkomodazzjonijiet biex ikun żgurat it-tindif u l-iddiżinfettar tagħhom u jekk hux qed isiru spezzjonijiet.
Muscat fakkar li dawn jistgħu joperaw biss bil-liċenzja tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u kien hemm domanda qawwija mis-sidien biex jingħataw protokolli.
“Nassigurak li qed isegwu dawn il-protokolli bl-akbar diliġenza. Kienu mħassba dwar is-saħħa tagħhom stess, il-familji, l-impjegati u anke l-klijenti,” insista Muscat.
Proposti tajbin…
L-ILLUM staqsiet ukoll lil Muscat dwar il-pakkett ta’ għajnuna li ħabbar il-Gvern u l-impatt li dan se jkollu fuq is-settur tat-turiżmu f’Għawdex.
Muscat iddeskriva l-miżuri bħala pożittivi ħafna u li jgħinu lis-settur jgħaddi minn dawn ix-xhur diffiċli. Faħħar ħafna l-miżura tas-sussidju fuq il-kera (anke jekk saħaq li hemm min għandu kirja eżorbitanti), il-waiver fuq il-liċenzja tal-MTA, is-sussidju fuq il-kontijiet u oħrajn.
“Dawn se jgħinu ħafna lill-istabbilimenti żgħar biex ikomplu joperaw f’dawn iċ-ċirkostanzi. Mill-15 ta’ Lulju ‘l quddiem jista’ jkollna l-opportunità sħiħa, iżda konxji wkoll li ma jfissirx li se jkollna l-akkomodazzjonijiet mimlija,” saħaq Muscat.
‘Imma x’se jiġri wara Settembru?’
Kien hawn li Muscat staqsa x’se jiġri wara Settembru. Fi kliemu jixtiequ li jaraw soluzzjoni aktar fit-tul.
“Kif se nerġgħu nilħqu l-livelli tal-2019. Irid ikollna strateġija biex fl-2021 u l-2022 nilħqu mill-ġdid il-livelli tas-sena li għaddiet,” insista Muscat.
Mistoqsi jekk kienx hemm akkomodazzjonijiet jew stabbilimenti li għalqu kawża tal-kriżi li ġabet magħha l-pandemija, Muscat wieġeb fin-negattiv iżda saħaq li kien hemm madwar 20% tal-istabbilimenti li waqqfu li xi impjegati.
Ħafna mill-istabbilimenti felħu għal din id-daqqa. Hemm min qed jibża’ minn Ottubru. L-istabbilimenti f’Għawdex jifilħu għal daqqa oħra?
“Din hija waħda mill-akbar tħassib li għandna,” insista Muscat. “Fit-turiżmu trid tippjana fit-tul. Kieku llum, tkun bdejt tagħmel il-kuntratti tax-xitwa 2021 u 2022. Jiena għandi fiduċja li s-settur turistiku huwa reżiljenti iżda hemm limitu. Allaħares qatt ikollna nerġgħu ndaħħlu l-miżuri li kellna.”
Fi kliemu, f’Għawdex dejjem ħadmu biex fix-xhur tas-sajf ikun hemm biżżejjed profitti li ma jkunux mikula mix-xhur ta’ Novembru u Diċembru.
“Nittamaw li ma jkollna l-ebda tieni mewġa fix-xitwa,” temm jisħaq.