Miexi sew il-bini tal-appartamenti ta' akkomodazzjoni soċjali fiż-Żurrieq
Is-sit, fi Triq Ta’ Ċiantar se jinbidel f’saqaf għal 25 familja li huma fil-bżonn
More in Politika
Is-sit, fi Triq Ta’ Ċiantar se jinbidel f’saqaf għal 25 familja li huma fil-bżonn
Jinsab fi stadju avvanzat il-bini ta’ appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali fiż-Żurrieq. Is-sit, fi Triq Ta’ Ċiantar se jinbidel f’saqaf għal 25 familja li huma fil-bżonn.
Il-proġett fi Triq Ta’ Ċiantar mhux biss se jkun qed joffri 25 appartament ta’ housing soċjali ġdid iżda jinkludi wkoll 21 garaxx. L-appartamenti qed jinbnew f’sit ta’ 1,200 metru kwadru, li kollha se jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar is-sit u fakkar li dawn huma parti minn proġett li qed isir b’ investiment ta’ €130 miljun.
“L-proġetti ta’ housing soċjali huma turija tal-impenn ta’ Gvern Laburista li jkompli jindirizza l-bżonn reali għall-akkomodazzjoni soċjali, li jipprovdi pjattaforma diċenti u adekwata biex dawn il-familji jibdew it-triq tal-mobbiltà soċjali,” saħaq il-Ministru.
Preżenti kien ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay li fakkar fl-iskemi li introduċiet l-Awtorità tad-Djar fl-aħħar xhur bil-għan li tindirizza faxex differenti tas-soċjetà.
Irrefera għal dawn l-iskemi u l-bini ta’ housing soċjali bħala xhieda tal-politika li qed tiġi implimentata fis-settur tal-housing, li ma tpoġġix lil kulħadd fl-istess keffa u li tindirizza bżonnijiet differenti b’soluzzjoni differenti.