Fl-aħħar 24 siegħa, hekk kif saru 981 test, irriżulta każ wieħed ġdid ta' COVID-19, liema każ huwa wieħed importat.
Fi stqarrija, l-Air Malta spjegat kif dan il-pazjent wasal Malta abbord titjira ta' ripatrijazzjoni minn Amsterdam u rriżulta pożittiv wara li għamel it-test ftit wara li wasal Malta.
"Il-linja tal-ajru tagħti pariri lill-passiġġieri kollha biex jagħmlu swab test malli jaslu lura Malta," saħqet l-istqarrija.
L-Air Malta insistiet għalhekk li dan il-każ ma kienx marbut mal-ftuħ tal-ajruport fl-1 ta' Lulju. Immedjatament beda l-contact tracing kif isir il-każi l-oħra.
Ittieħdu l-passi kollha biex l-ajruplan ġie ddiżinfettat.
Intant, persuna oħra fieqet biex hekk l-għadd tal-każi attivi f'Malta baqa' ta' 13-il persuna.