“Il-viżjoni tagħna hija proprju li jkun hemm aktar ħarsien tal-fruntieri, inqas traffikar uman, inqas attività kriminali u l-iktar importanti inqas telf ta’ ħajjiet." Hekk saħaq il-Prim Ministru Malti Robert Abela waqt laqgħa mal-President tal-Kunsill tal-Presidenza tal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali Libjan Faiez Mustafa Serraj fil-Berġa ta’ Kastilja bħala parti minn żjara statali
Abela rringrazzja lill-Gvern Libjan tal-ħidma li qed iwettaq sabiex ikunu protetti u salvati l-ħajjiet fil-Mediterran
Huwa fakkar li storikament iż-żewġ pajjiżi minn dejjem kellhom relazzjonijiet tajbin ħafna li wasslu għal numru ta’ investimenti u koperazzjoni f’numru ta’ setturi differenti. Dawn l-investimenti, tenna l-Prim Ministru, wasslu għal riżultati li minnhom gawdew iż-żewġ pajjiżi.
Kien hawn, li fi kliem il-Prim Ministru, Malta tikkunsidra lil-Libja bħala ‘ħabib li tista’ tafda’ u lill-poplu Libjan ‘bħala aħwa tal-poplu Malti u Għawdxi.’
Min-naħa tiegħu, Faiez Mustafa Serraj saħaq li l-isfidi li hemm fir-reġjun tal-Mediterran iridu jkunu ffaċċjati flimkien billi jkun hemm ħidma flimkien anke sabiex ikunu maħluqa opportunitajiet ġodda li minnhom igawdu kemm il-poplu Malti kif ukoll dak Libjan.
Serraj intlaqa’ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Jakkumpanjaw lil Serraj hawn ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Libjan Mohammed Taher Siala u l-Ministru għall-Intern Fathi Ali Abd-AlSalam Bashagha.
F’Mejju li għadda, Malta u l-Libja qablu li jwaqqfu żewġ ċentri ta’ koordinament, wieħed il-Belt Valletta u l-ieħor fi Tripli bil-għan li jindirizzaw il-kriżi tal-immigrazzjoni.
Iż-żewġ ċentri għandhom isaħħu wkoll il-kommunikazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi dwar is-salvataġġ tal-immigranti.