Analiżi | 17 Black - Il-brimba fin-nofs ta' għanqbuta mifruxa
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-ħoloq kollha li jorbtu mal-kumpanija 17 Black ta' Yorgen Fenech
minn Yendrick Cioffi
17 Black. Il-kumpanija fid-Dubaj li ħadd ma kien jaf ta' min hija u li sidha qatt ma qal li hija tiegħu. Sakemm, biċċa, biċċa, bdiet ħierġa l-verità dwar ta' min hi, xi flus allegatament daħlu fiha, fattwalment kemm kien hemm flus fiha, lil min kellha tgħaddi dawk il-flus u finalment l-assasinju ta' ġurnalista li kienet se tikxef kollox u b'sid 17 Black akkużat b'dan l-assasinju.
Daphne u 17 Black: Kienet Daphne Caruana Galizia li nhar it-22 ta' Frar 2017 - xaharejn qabel issejħet elezzjoni ġenerali bikrija u wara illi diċeriji li se toħroġ storja kbira kienu ilhom iduru - bdiet turi li taf xi ħaġa. Bdiet turi li taf illi 17 Black hija kumpanija bbażata d-Dubaj - verità - u li b'xi mod, imdaħħlin magħha hemm erba' minn nies.
Hija semmiet lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, li kif se naraw huwa vera li kellhom isimhom marbut b'xi mod ma' din il-kumpanija. Semmiet ukoll lil Joseph Muscat, dak iż-żmien Prim Ministru - għalkemm sa issa m'hemm xejn li qed jorbot lil Muscat direttament mal-kumpanija u finalment lill-eks Ministru Nazzjonalista John Dalli, li sa issa fl-ebda ħin u bl-ebda mod ma ssemma' fi skandli, proġetti jew żviluppi marbutin mal-assasinju Caruana Galizia.
Kien fl-istess blogg, fil-kummentarji illi Caruana Galizia semmiet isem Yorgen Fenech għall-ewwel darba f'referenza għall-proġett ta' power station.
Altru minn hekk, Daphne Caruana Galizia ftit ħarġet informazzjoni dwar din il-kumpanija, llum f'nofs tempesta politika - l-akbar minn ħafna marbutin mal-Panama Papers.
Yorgen Fenech u 17 Black: Yorgen Fenech huwa sid 17 Black, sirna nafu permezz ta' storja investigattiva mid-Daphne Project. Din l-istorja faqqgħet wara li The Sunday Times kienet irrappurtat kif 'negozjant kbir' kien wara l-assasinju'.
Fl-istess ġurnata, id-9 ta' Novembru 2018, kien żvelat kif 17 Black kienet target client ta' żewġ kumpaniji fil-Panama, Hearnville tal-eks Ministru Konrad Mizzi u Tillgate tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Dan ifisser li kellha tgħaddi ġo flus fiha għal għand dawn iż-żewġ kumpaniji.
Fenech, kien Kap Eżekuttiv ta' Tumas Group. Electro Gas Malta (EGM) li bniet u llum tmexxi l-Power Station li taħdem bil-gass f'Delimara hija magħmula minn GEM Holdings (33.34%), li minnha Tumas Group għandha 35.16%, Socar Trading 33.33% u Siemens Project Ventures 33.33%.
Sal-lum saru allegazzjonijiet fuq tliet pagamenti li daħlu f'17 Black 1) $1.4 miljun mill-Ażerbajġan minn Rufat Baratzada - security f'sit ta' kostruzzjoni fl-Ażerbajġan, 2) allegatament għaddew ukoll $200,000 mill-aġent tat-tanker tal-gass f'Delimara, xi ħaġa li dan ċaħad u 3) €4.6 miljun fi flus mill-proġett tal-Wind Farm f'Montenegro.
Sal-lum ma nstabet ebda prova li dawn il-flus kienu għaddew għand il-kumpaniji ta' Schembri u Mizzi. Għax ma laħqux għaddew sa meta bdew jinkixfu l-fatti? Jew għax ma kinux destinati għal għandhom?
L-awtoritajiet finanzjarji fid-Dubaj ikkonfermaw li fil-kumpanija 17 Black kien hemm $1.6 miljuni. F'kuntatt ma' Reuters l-Aġent Kap tal-Unit tal-Intelliġenza Finanzjarja (FIU) tal-Emirati Għarab Magħquda Ali Faisal Ba'Alawi sostna illi l-flus kienu rrilaxxati għax ma kien hemm ebda ordni ta' friżar mill-ebda awtorità, lanqas minn Malta.
Keith Schembri u 17 Black: L-eks Chief of Staff huwa l-aktar persuna marbuta ma' din il-kumpanija wara sidha Yorgen Fenech. Dan għal żewġ raġunijiet.
L-ewwel raġuni hija li l-midja kienet kixfet illi 17 Black hija target client tal-kumpanija li fetaħ fil-Panama u allura l-flus fiha kellhom - allegatament - jgħaddu għal għand il-kumpanija tiegħu.
Kollox jorbot ma' email minn Nexia BT, naturalment.
F'email Karl Cini kien qal illi fil-kumpanija ta' Keith Schembri u ta' Konrad Mizzi kellhom jidħlu $2 miljuni f'temp ta' sena biss.
Minn fejn?
Minn attivitajiet ta' skart, sajd u turiżmu fil-Bangladesh, l-Indja u pajjiżi fl-Afrika - fost oħrajn.
Fl-għarfien pubbliku la Schembri u lanqas Mizzi m'għandhom negozji f'dawn il-pajjiżi u ta' din in-natura.
It-tieni raġuni hija li kien Schembri stess li ammetta illi 17 Black kienet parti mill-pjan ta' negozju tiegħu għalkemm kien qal li ma sarux tranżazzjonijiet magħha.
Kien fil-Qorti ġimagħtejn ilu li ammetta illi kien jaf li 17 Black kienet ta' Fenech li miegħu tant hu ħabib li qal illi lest li "jidħol fin-nar għalih."
Konard Mizzi u 17 Black: Konrad Mizzi, bħal Keith Schembri, huwa marbut ma' din il-kumpanija permezz ta' Hearnville, il-kumpanija f'ismu fil-Panama. Diġà ġie spjegat f'Keith Schembri u 17 Black kif dawn kienu marbutin.
Imma issa rriżultat rabta oħra, anke jekk indiretta u din hija proġett tal-Wind Farms fil-Montenegro, li minnu allegatament sar €4.6 miljuni fi qligħ, li spiċċa f'17 Black, mill-bejgħ minn Cidifex - li ġabet it-€3 miljuni biex tixtri dan il-Wind Farm minn 17 Black ukoll - hija l-allegazzjoni.
Konrad Mizzi - li tela' diversi drabi il-Montenegro qabel u wara dan il-ftehim ċaħad illi qatt kien hemm abbuż f'dan il-ftehim u appella lill-Enemalta biex tippubblika l-karti kollha.
Kien l-Awditur Ġenerali wkoll iżda illi qajjem mistoqsijiet dwar il-mawriet ta' Mizzi fil-Montenegro u kif darba ma kienx uża l-kard ministerjali tiegħu iżda biss dik personali, bi tranżazzjoni waħda biss ta' ċenteżmu wieħed. L-Awditur Ġenerali kien qal illi tranżazzjonijiet bħal dawn isiru biex jaraw illi l-kontijiet qed jaħdmu.
Dawn l-allegazzjonijiet swew lil Mizzi postu bħala Deputat Laburista bl-Eżekuttiv tal-partit, kważi unanimament, ikeċċieh.
Joseph Muscat u 17 Black: Sa issa m'hemm xejn li jorbot lill-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista ma' din il-kumpanija - ħlief dak ir-ritratt msemmi diġa' li tellgħat Caruana Galizia.
Dubaj u 17 Black: Ir-rabta ġeografika diġà msemmija hawnhekk hija - prinċipalment - mad-Dubaj. 17 Black kellha kontijiet fil-Bank Noor. Bejn wieħed u ieħor fiż-żmien meta Caruana Galizia kienet bdiet turi illi jista' jkun li taf xi ħaġa dwarha inbidlet isimha għal Wings Development.
17 Black hija numru fil-logħba tar-roulette. Fenech kien sid ta' Casino.
Id-Dubaj kien pajjiż li jissemma ħafna fuq il-blogg ta' Caruana Galizia- - darba meta mar l-eks Ministru Chris Cardona, darba meta marret Michelle Muscat u blogg dwar vag anza li l-familja Muscat kellha f'dan il-pajjiż għal total ta' nefqa li taqbeż il-€11,000.
Ażerbajġan u 17 Black: Il-Gvern Malti għamel ftehim mas-Socar biex jixtri l-gass għall-Power Station il-ġdida li qed titmexxa minn konsorzju li jinkludi lil Tumas Group, Siemens u Socar.
L-ewwel kontroversja kienet żjara fl-Ażerbajġan f'Diċembru 2014 li għaliha l-midja ma kinitx mistiedna u li l-informazzjoni dwarha baqgħet skarsa. Għaliha marru l-eks PM Joseph Muscat u miegħu Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Sa hemmhekk xejn wisq indikattiv.
Iżda Socar imbagħad kienet parti mill-Konsorzju li bniet u qed tmexxi il-Power Station. Il-Gvern Malti daħal fi ftehim multi miljunarju mal-Ażerbajġan - fil-fatt daħal fi ftehim biex għal 10 snin jintrabat li jixtri €131.6 miljun f'LNG kull sena għal total ta' madwar $1 biljun.
Kien hemm diversi mistoqsijiet dwar kemm fil-fatt dan il-ftehim huwa ta' benefiċċju għal Malta u kemm għall-Ażerbajġan. Issemmew miljuni fi profitti għas-Socar.
Daphne Caruana Galizia kienet żvelat kif fil-Bank Pilatus kellhom kontijiet: Il-Ministru tas-Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza Kamaladdin Heydarov, wieħed mill-iktar nies sinjuri fl-Ażerbajġan u Ministru kruċjali għall-familja Aliyev li tmexxi lill-pajjiż.
Kellhom ukoll kontijiet f'dan il-bank - kienet żvelat f'April 2017 - it-tfal tad-dittatur tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.
Egrant, L-Ażerbajġan u 17 Black: Iżda l-aktar allegazzjoni splussiva kienet dik li rabtet lill-kumpanija Egrant mal-Ażerbajġan u indirettament allura ma' 17 Black.
Imma kif?
Egrant hija kumpanija li Brian Tonna ta' Nexia BT kien qal illi hija tiegħu u li hija shelf company. Dan ifisser illi qatt ma kienet ta' xi ħadd.
Daphne Caruana Galizia kienet għamlet allegazzjoni - li sal-lum qatt ma nstabu l-provi biex tiġi sostanzjata, lanqas wara inkjesta maġisterjali intensiva - illi Egrant, li nfetħet fl-istess żmien ma' Hearnville u Tillgate, hija f'isem Michelle Muscat.
Iktar minn hekk iżda hi kienet allegat li f'Marzu tal-2016 Al Sahra FZCO - kumpanija inkorporata (mill-ġdid) fid-Dubaj - kienet għaddiet, $1.017 miljun lil Egrant.
It-tranżazzjoni allegatament kienet mill-kont tal-Al Sahra għal għand il-kont ta' Egrant fid-Dubaj.
Il-kont ta' Al Sahra FZCO - tgħid Caruana Galizia - kienet f'isem it-tifla ta' Ilham Aliyev.
L-inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Imħallef Aaron Bugeja ma sabet l-ebda flus għaddejjin f'Egrant. Apparti li ma sabet ebda rabta bejn Michelle Muscat u Egrant, firem foloz u akkużat lil Maria Efimova bit-tixrid ta' kalunja.
Montenegro u 17 Black: L-aħħar żviluppi juru allegata rabta bejn il-proġett ta' Wind Farm f'Montenegro u 17 Black.
Kienet il-kumpanija Cifidex li biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol - għal €2.9 miljun, differenza ta' €7.4 miljuni. €4.6 miljun minnhom huwa allegat li baqgħu f'17 Black bħala profitt għal Yorgen Fenech. Din l-informazzjoni ħarġet dalgħodu minn investigazzjoni li saret minn Reuters u The Times of Malta, bl-istess rappurtaġġ jgħid illi €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cidifex. Jiġifieri l-flus ta' Cidifex biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech.